Lokali

“Għażla li trid ssir b’riflessjoni serja” – Il-President ta’ Malta

Din hija għażla li trid ssir b’riflessjoni serja. Din mhix għażla dwar interessi personali… Din l-għażla għandha tpoġġi fuq quddiem il-ġid komuni, u mhux l-interessi settorjali jew personali.

Nixtieq li dawn il-ħsibijiet, pariri u xewqat jittieħdu bħala espressjoni sinċiera tal-ħerqa u t-tama li għandi għal pajjiż aktar hieni, aktar magħqud u aktar stabbli. Pajjiżna ma jixraqlu xejn anqas.

Huwa dan il-messaġġ b’saħħtu li wassal il-President ta’ Malta George Vella hekk kif issa bdiet Kampanja elettorali li se twassal għall-Elezzjoni Ġenerali tas-26 ta’ Marzu li ġej.

George Vella awgura li bl-aktar mod matur, naslu għall-aħjar għażla ta’ min irridu li jmexxi pajjiżna għall-ħames snin li ġejjin.

Il-President appella lill-politiċi biex ikunu onesti, sinċieri u trasparenti u biex ipoġġu l-interess tal-poplu l-ewwel u qabel kollox… bl-iskop li jintlaħaq l-ogħla livell ta’ ġid komuni u mhux mod ieħor.

Hu saħaq li l-poplu jixraqlu l-aħjar u għandu jintwera l-ogħla rispett lejn l-intelliġenza tiegħu u lejn dik il-fiduċja li biha jafda lil min se jippreżenta l-interessi tiegħu fit-tmexxija ta’ pajjiżna.

George Vella appella fuq kollox liċ-ċittadini kollha li se jiġu msejħa biex jagħmlu dmirhom u jagħżlu lil min jaħsbu li jkun l-aħjar biex imexxi ’l pajjiżna fis-snin li ġejjin. Hu fakkar li dan huwa dmir u dover importanti li soċjetà demokratika tistenna minna li naqdu b’impenn u b’responsabbiltà.

Il-President tenna li huwa fuq dawn l-għażliet li jiddependi ħafna fejn, fis-snin li ġejjin, se mmorru bħala pajjiż u min xiex nistgħu ngħaddu. L-għażliet li nagħmlu llum jista’ jkollhom impatt qawwi fuq kif se niffaċċjaw il-problemi u nagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet li pajjiżna se jiltaqa’ magħhom fis-snin li ġejjin.