Lokali

Il-Ministru tibqa’ ma tgħidx kemm kellna qtugħ fil-provvista tal-elettriku

Il-Ministru Miriam Dalli naqset milli twieġeb dwar iċ-ċifra ta’ kemm kien hemm rapporti ta’ qtugħ fil-provvista tal-elettriku fl-aħħar 6 xhur, dan meta saqsejniha dwar kemm kien hemm rapporti tul konferenza tal-aħbarjiet li ttellgħet mill-istess Ministeru tal-Enerġija.

Fl-aħħar ġimgħat dan l-istazzjon irċieva numru ta’ lmenti dwar in-nuqqasijiet fid-distribuzzjoni tal-elettriku f’numru ta’ nħawi madwar Malta u Għawdex fosthom il-Belt Valletta, il-Marsa, l-Imqabba, Ħaż-Żabbar, L-Imġarr, il-Għargħur, Għajnsielem, Ta’ Sannat u San Lawrenz; qtugħ ta’ dawl jew provvista baxxa ferm illi qed tħalli effett ħażin fuq l-appliances tad-dar u tkisser ir-rutina ta’ kuljum tal-familji. Dwar dan saqsejna wkoll lill-Ministru dwar jekk il-Gvern hux se jkun qed jgħin lill-familji li sofrew id-danni… bil-Ministru tgħidilna biss li hemm proċess…

Dwar dan in-nuqqas fil-provvista…. il-persuni li tkellmu magħna qalulna li meta jċemplu l-Enemalta, il-management ftit li xejn ikollu risposta x’jagħtu…u wara li jibgħatu l-ħaddiema jiċċekjaw, il-problema xorta waħda tibqa’ tippersisti. Residenti li tkellmu magħna qalu li dan kollu jista’ jkun li qed iseħħ minħabba żvilupp enormi li f’waqtiet qed isir bla ħsieb. Oħrajn qalu li mhux ġusta li l-kont tad-dawl sar jiġi kull xahrejn, iżda ilhom ‘il fuq minn xahrejn jistennew tweġiba mill-Enemalta biex ikunu jafu meta din il-problema se tkun solvuta.