Wara li fl-aħħar 9 snin ta’ tmexxija tal-pajjiż il-Labour falla fis-settur ambjentali, issa li daqqet il-qanpiena tal-Elezzjoni Ġenerali reġa’ għoġbu jdur għall-wegħdiet fiergħa u riċiklati.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata fir-Rialto, Robert Abela, l-istess wieħed li daħħal mat-€28,000 fix-xahar mill-konsulenzi legali mal-Awtorità tal-Ippjanar – għamel ħafna wegħdiet elettorali dwar l-ambjent f’pajjiżna.
Filwaqt li ammetta li s’issa għadu ma ddiskuta l-ebda idea mal-Kunsilli Lokali, u wisq inqas għadu ma ġabarx l-ideat, f’ammissjoni tiegħu stess, issa qed jgħid li l-poplu se jkun qiegħed jingħata lura l-ispazji pubbliċi.
Matul il-konferenza intqal li fi snin li ġejjin is-settur ambjentali se jingħata prijorità, stqarrija deskritta minn bosta daqslikieku kienet xi tip ta’ karità maċ-ċittadini – minkejja li din hija obbligu wara li amministrazzjoni Laburista injorat għal kollox dan il-qasam bil-konsegwenza li Malta ġiet deskritta bħala ġungla tal-konkrit, għad-detriment tal-familji Maltin u Għawdxin. Fatt li Robert Abela insista, b’mod mill-aktar surreali, li ma kienx tort tal-Labour.
Madanakollu fl-istess waqt ammetta huwa stess li dan il-qasam kien injorat mill-Labour immexxi minnu.
Fost il-wegħdiet li saru kien hemm numru ta’ proġetti reċiklati li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ilhom jisimgħu partikolarment il-Vendriżi u l-Furjaniżi hekk kif għal darb’oħra ġie mwiegħed it-tisfieq taż-żona tal-Mini ta’ Santa Venera kif ukoll li Triq Sant’ Anna fil-Furjana tiġi mibdula f’żona pedonali. Wegħda li l-Labour kien ilu jirriċikla f’diversi budgets.
//= $special ?>