Fl-attività li saret mill-Partit Nazzjonalista fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella tkellem dwar il-problema tal-prekarjat li baqgħat ma kinitx indirzzata mill-Gvern Laburista. Josef Vella qal li l-akbar weġgħa hija meta ħaddiema li jaħdmu mal-Gvern ikunu sfruttati u abbużati. Vella tkellem dwar kif trid tkun indirzzata l-problema tal-‘equal pay for job of equal value’ fejn qed ikun il-Gvern stess li jħaddem ħaddiema mal-kuntrattur u fejn jagħmlu l-istess xogħol ta’ ħaddiema oħra u ma jitħallsux bl-istess mod u lanqas għandhom l-istess kundizzjonijiet. Vella qal li f’pajjiżna għad hawn ħaddiema fejn lanqas għandhom id-diċenza tal-40 siegħa fil-ġimgħa hekk kif jaħdmu ħafna aktar minn hekk. Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM qal ukoll li f’pajjiżna għad hawn ħaddiema li fil-ġurnata tal-Ħadd ma jitħallsux paga doppja.
Josef Vella tkellem ukoll dwar l-importanza li mhux biss jinħolqu setturi ekonomiċi ġodda minkejja li dan huwa pożittiv, iżda saħaq li hemm bżonn li s-setturi preżenti jkollhom ir-riġinerazzjoni tagħhom fejn enfasizza dwar is-setturi tal-bieda u s-sajd. Hu tkellem ukoll dwar l-importanza li jkollna ekonomija ta’ kwalità fejn qal li l-ekonomija ta’ kwantità u l-ekonomija tan-numri ma hijiex l-aħjar strateġija għall-pajjiżna. Vella temm id-diskors tiegħu billi appella biex il-politikanti jindirizza il-problemi li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema f’pajjiżna.
Fl-istess attività tkellem ukoll l-avukat Anthony Sammut li għandu esperjenza vasta fil-qasam tal-business f’pajjiżna fejn għadu jaħdem sa llum. Sammut faħħar il-proposta tal-Partit Nazzjonalista fejn permezz ta’ investiment ta’ biljun ewro se jkun qed joħloq 10 setturi ekonimiċi ġodda. Hu żied jgħid li huwa importanti li jinħolqu setturi ekonomiċi ġodda fejn fl-aħħar snin dan ma sarx. Sammut żied jgħid li l-preżent jitlob li nħarsu lejn futur ibbażat fuq l-industrija diġitali fejn permezz tal-proposti tal-Partit Nazzjonalista, pajjiżna se jkun jista’ juża it-talent lokali li fl-aħħar xhur rajna kif il-maġġoranza taż-żagħżagħ iridu jħallu pajjiżna għal futur aħjar.
Anthony Sammut tkellem dwar il-proposta tad-due dilligence u t-tax compliance fejn f’dinja bbażata fuq l-intelliġenza artifiċjali ser ikun hemm bżonn aktar appoġġ fl-oqsma tal-konformità u d-due dillegence.