Internazzjonali

AĠĠORNATA: Putin jirrikonoxxi r-reġjuni tas-separatisti Ukreni bħala ‘Stati indipendenti’

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, kompla jirranka t-tensjoni mal-Ukrajna bid-dikjarazzjoni li qed jirrikonoxxi lir-reġjuni ribelli u separatisti fid-Donbas (fl-artijiet Ukreni tal-Lvant) bħala Stati indipendenti.

L-hekk imsejħa ‘repubbliki’ ta’ Donetsk u Luhansk huma kontrollati mis-separatisti li huma appoġġjati minn Moska u li ilhom mill-2014 jiġġieldu kontra l-Armata tal-Gvern tal-Ukrajna

Ftit hemm dubju, issa, li — wara l-aħħar pass ta’ Putin — se jisfuma l-ftehim għall-paċi fraġli fir-reġjun li kien ilu jżomm għal snin.

Dan meta l-potenzi tal-Punent qed jinkwetaw li d-dikjarazzjoni ta’ Moska kapaċi twitti t-triq għall-qawwiet militari Russi biex jidħlu fir-reġjuni tal-Lvant tal-Ukrajna bl-iskuża li jridu ‘jipproteġu lis-separatisti mill-aggressjoni tal-Ukrajna’.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson qal li l-aġir ta’ Moska hu l-aħħar abbuż tas-sovranità u l-integrità tal-Ukrajna minbarra li hu ksur sfaċċat tal-liġi internazzjonali. Intant, l-Unjoni Ewropea qalet li se tirreaġġixxi ‘b’mod sod u determinat fl-appoġġ tal-Ukrajna f’dawn iż-żmenijiet diffiċli.’

Aktar kmieni llum, Denis Pushilin, li jmexxi lir-Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk, u Leonid Paschnik, li jmexxi lir-Repubblika tal-Poplu f’Luhansk kienu marru f’Moska biex iressqu l-appelli rispettivi ‘għall-indipendenza’. Dan waqt li Vladimir Putin informa lill-kunsill tas-sigurtà tiegħu dwar in-neċessità li dawn l-appelli jkunu kunsidrati ‘qabel il-pass li jmiss’.