Elezzjoni 2022 Lokali

Abela jaqla’ ċamata għax itradixxa lill-Qriema

F’raħal twelidu – ir-raħal li ċaħad meta għażel li joħroġ fuq id-distretti li kien joħroġ fuqhom Joseph Muscat – il-Mexxej Laburista Robert Abela qala’ ċamata diretta mill-eks Sindku Qormi Jesmond Aquilina.

Indikazzjoni ta’ kif il-Qriema għadhom maħruqin għax iħossu li Abela tradihom, sempliċiment għax ried jisfida lill-predeċessur tiegħu billi jikkandida ruħu fuq l-istess distretti li kien jikkontesta hu … filwaqt li jħalli lill-Qriema iltima mil-Leader.

Biex jipprova jpatti għal dan id-diżappunt, il-Leader ordna li l-ewwel attività uffiċjali tal-Labour f’din il-kampanja elettorali tkun fi Pjazza San Franġisk, f’Ħal Qormi … l-istess pjazza fejn ħames snin ilu kien nieda l-kampanja personali tiegħu qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017.

U biex jipprova jiġbor ġieħu, hu ordna li wieħed mill-kelliema jkun l-eks Sindku Laburista Qormi, li minflok, għażel li jċanfu.

Ftit tas-snin ilu, l-eks Sindku Laburista kien ħassu tradut mill-Partit Laburista meta Rosianne Cutajar  kienet imbuttata biex tieħodlu postu fit-tmexxija tal-Kunsill. Mossa li kienet wasslet għal reazzjoni qawwija minn Aquilina, fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti.

Ironikament, fil-bidu ta’ din il-kampanja li se twassalna għall-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu, l-eks Sindku Qormi wassal iċ-ċanfira tiegħu lil Robert Abela quddiem dik li ħadietlu postu – Rosianne Cutajar – li fl-aħħar xhur irċeviet l-appoġġ kontinwu mil-Leader minkejja li kienet kundannata mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika minħabba ksur ta’ etika.

Sadanittant, f’attività ppjanata ta’ show of force għal-Leader, ippjanata minn dawk fil-klikka tiegħu, il-kelliema tefgħu diversi botti fil-konfront tad-Deputat Mexxej Chris Fearne, tant li anke ppruvaw jagħtu kredtu lil Abela minflok lilu fil-ġlieda kontra l-pandemija. Min-naħa l-oħra, kien evidenti li Abela kellu bżonn juża screens imtellgħin apposta – magħrufin bħala teleprompters – biex iwassal il-messaġġ tiegħu miktub kelma b’kelma minn qabel … fl-istess nifs li għadu ma jridx jaċċetta li jipparteċipa fi kwalunke dibattitu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.