Lokali

Abela jissokta bil-botti lejn Muscat

Il-qasma bejn Robert Abela u Joseph Muscat hija waħda li b’mod ċar qed tinħass fil-kampanja elettorali tal-Labour.

Fl-ewwel diskors tiegħu tal-kampanja, Robert Abela għal darb’oħra ħass il-ħtieġa li jkompli jimpika mal-eks Mexxej tal-Labour u eks Prim Ministru Joseph Muscat fejn insista li issa nbidlu l-affarijiet …wara li twettqu l-iżbalji.

… Li naqas milli jsemmi però kien li huwa nnifsu kien il-konsulent legali fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat meta l-pajjiż spiċċa fl-akbar kriżi politika tal-aħħar snin, b’impunità assoluta li waslet għall-eventwali riżenja tal-istess Muscat minn Prim Ministru …bil-kontinwità titkompla mill-istess Robert Abela li waslitna sabiex Malta titpoġġa fuq il-lista l-griża tal-FATF.

Abela kompla wkoll jaħrab u jinjora l-fatt li b’xi mod jew ieħor kellu xi parti mit-tmexxija tal-predeċessur tiegħu li taħtu gawda minn xejn inqas minn €28,000 fix-xahar minn kuntratt wieħed biss f’konsulenzi mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Minkejja li fil-ġirja tiegħu għall-Mexxej tal-Labour fil-ġlieda ma’ Chris Fearne – Joseph Muscat kien tah l-appoġġ unanimu internament fil-kuriduri taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista sabiex Abela jieħu postu – jidher li r-relazzjoni ta’ bejniethom issa sfaxxat għal kollox.

Disat’ijiem biss qabel ma’ Robert Abela kien sforzat isejjaħ Elezzjoni Ġenerali, f’intervista mal-Lovin Malta Joseph Muscat għamilha ċara li hu għadu jkellem lil bosta fi ħdan il-Labour, inkluż Ministri bhal Ian Borg, iżda mhux lil Abela.

Muscat attakka lil Robert Abela fejn kien qal li min itih il-pariri jimpressjonawh wisq il-mezzi soċjali u li m’humiex intelliġenti biżżejjed – filwaqt li insista li t-tmexxija ta’ Abela u tal-persuni qribu hija  inkonsistenti.

Bi sfida ċara…mhux talli matul kull attività jeħtieġ il-bżonn ta’ show of force kontinwu u eloġji mill-bidu sal-aħħar, talli Abela jrid jiprova akkost ta kollox inessi l-passat tal-Labour u ta’ Joseph Muscat billi saħansitra jabbanduna d-distrett ta’ raħal twelidu u jikkandida ruħu fuq il-5 distrett…distrett li lura fl-2017 kien ħareġ fuqu l-istess Muscat.