Lokali

Abela ma jridx jagħti lura l-flus misruqa

Il-Mexxej Laburista Robert Abela kkonferma li l-Gvern tiegħu mhux se jagħti lura l-flus li ilu jisraq lill-poplu għal dawn l-aħħar snin mill-Income Tax … fatt li ġie kkonfermat mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana f’intervista mal-LovinMalta.

Fil-fatt, aktar kmieni dan ix-xahar, Caruana ddikjara li – mill-2016 ‘l hawn – il-poplu spiċċa ħallas sa €500 żejda f’taxxa jew sa €100 żejda fis-sena. Dan ifisser li f’ħames snin, koppja ħallset sa €1,000 żejda f’taxxa.

Iżda minkejja l-ammissjoni ta’ Clyde Caruana nnifsu, il-Mexxej Laburista qed jibqa’ jgħid li din l-informazzjoni kienet gidba ffabbrikata.

Fid-dawl ta’ dan, u mistoqsi diversi drabi mill-ġurnalisti, Abela kompla jirrepeti l-istess informazzjoni żbaljata, filwaqt li naqas milli jserraħ ras il-poplu li se jkun qed jirritorna l-flus lura lill-poplu jekk ikun elett fil-Gvern ix-xahar id-dieħel.

Dan is-serq kontinwu mhux l-ewwel każ ta’ Gvern Laburista fl-aħħar snin, hekk kif ilu u għadu qed jisraq mijiet ta’ ewro mill-kontijiet tad-dawl.

Mistoqsi dwar dan, il-Mexxej Laburista qal li s-sistema għadha qed tiġi riveduta – l-istess kif kien qal il-predeċessur tiegħu aktar minn tliet snin ilu – filwaqt li rrepeta li l-Labour se jagħti biss refund tal-aħħar sena.

Għall-kuntrarju, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech diġà kkometta ruħu li jara li Gvern ġdid immexxi minnu jagħti lura aktar mill-€50 miljun li l-poplu nsteraq s’issa mill-kontijiet.

Sadanittant, il-Mexxej Laburista għażel li ma jikkundannax lill-Ministru Clyde Caruana għall-attakk li kien għamel fuq in-negozji meta sejħilhom “komunisti”.

U mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Mexxej Laburista nqabad li qed jispara wegħdiet fl-ajru biex jipprova jiġbor il-voti tan-nies. Dan hekk kif ammetta li qed jippreżenta wegħdiet li s’issa għadu ma ddiskutiex jew li għadu ma rax kif se jwettaq, bħal dawk tal-parkeġġi taħt l-art.

Min-naħa l-oħra, anqas minn ħames ġimgħat qabel ma l-poplu jagħżel il-Gvern ġdid għal pajjiżna, il-Mexxej Laburista ma aċċettax id-diversi stediniet li sarulu mill-ġurnalisti biex jipparteċipa f’dibattitu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Dan filwaqt li jidher aktar komdu jwieġeb lill-ġurnalisti skont it-tweġibiet miktubin li jippreparawlu u mingħajr ma jħallihom jerġgħu jistaqsuh.