Elezzjoni 2022 Lokali

“Bil-PN se jkollok impjieg ta’ kwalità li jrendi eluf ta’ Ewro” – Bernard Grech

Biljun Ewro ta’ investiment f’10 setturi ġodda

Meta kien qed jitkellem dwar waħda mill-ikbar proposti li preżenta s’issa l-PN, Bernard Grech spjega kif il-pjan għall-ekonomija li għandu l-PN se jwassal għal impjieg garantit, ta’ kwalità, li jrendi eluf ta’ Ewro f’pagi.

Il-Kap tal-PN saħaq li ser ikun qed jinċentiva biex isiru l-investimenti meħtieġa f’diversi setturi fosthom il-Metaverse, 3D Printing, eSports u Video Games, fost oħrajn, li magħhom se jġibu għexieren ta’ eluf ta’ jobs.

Bernard Grech stqarr li bħal ma’ għamel fil-passat, il-PN ser jibqa’ joħroġ bl-ideat dwar kif ser jibni ekonomija b’saħħitha, varjata u reżiljenti.

Il-Greylist tal-FATF

“Il-PN huwa parti mis-soluzzjoni. Determinat li noħorġu mill-greylist fi żmien tliet xhur ta’ Gvern ġdid tal-Partit Nazzjonalista” – Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li qed jindirizza attività politka taħt it-tinda f’San Ġiljan bit-tema MIEGĦEK. Għal Malta.

Bernard Grech stqarr li hu importanti li noħorġu mill-lista l-griża tal-FATF għaliex din qed toħloq diffikultajiet kbar lil diversi professjonisti u qed tħalli riperkussjonijiet fuq il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Il-wegħda tal-Kap tal-PN kienet ċara ħafna; “Jekk ittuni l-unur li nservi lill-poplu Malti, ser naħdem millewwel biex pajjiżna joħroġ mill-greylist” għaliex spjega kif iktar kemm indumu f’din il-lista, iktar se jkollna riperkussjonijiet devastanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Bernard Grech saħaq li filwaqt li l-Gvern Laburista qata’ qalbu quddiem il-greylist u l-għoli tal-ħajja, il-PN se jaċċerta li dawn il-problemi jkunu solvuti fl-inqas żmien possibbli biex il-poplu Malti jerġa’ jibda jgawdi mill-ġid li dejjem ħoloq Gvern Nazzjonalista.

Matul din l-attività f’San Ġiljan. Bernard Grech kompla jispjega l-proposti li kontinwament qed joħroġ bihom il-PN fosthom żewġ proposti li tħabbru daħlgħodu: Skemi biex ġenituri jnaqqsu mid-dħul taxxabbli u għotja annwali ta’ €300 lill-ġenituri tal-istudenti.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-u-turn li għamel il-Partit Laburista, din id-darba bil-proġett tal-Marina f’Marsaskala.