Ambjent Lokali

DWAR IL-KONTROVERSJA TAL-MARINA: “Inkomplu nagħmlu d-differenza anke mill-Oppożizzjoni” – Bernard Grech

“Inkomplu nagħmlu d-differenza anke mill-Oppożizzjoni”.

Din kienet id-dkjarazzjoni tal-Kap tal-PN Bernard Grech appena l-Prim Ministru għamel u-turn oħra, din id-darba dwar il-proġett tal-marina f’Marsaskala.

Meta kien qed jindirizza attività taħt it-tinda f’San Ġiljan, Bernard Grech, bl-aktar mod ċar, saħaq li issa li saret din il-u-turn, jippretendi li Robert Abela jwiegħed li dan il-proġett ma jsir qatt u mhux biss issa għax ġejja l-elezzjoni u saret kritika kbira fil-konfront tal-Gvern.

Stqarrija mill-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ mal-poplu ta’ Wied il-Għajn u ma’ kull min jiffrekwenta l-bajja ta’ Wied il-Għajn hekk kif Robert Abela kellu jagħmel u turn wara xhur ta’ indeċiżjoni u sfidi quddiem protesti leġittimi.

Id-deċiżjoni ta’ Robert Abela tal-lejla hija waħda ta’ konvenjenza u turi li Robert Abela huwa maqtugħ min-nies li ilhom xhur juruh li ma jaqblux ma’dan il-pjan u kien biss il-fatt li ninsabu lejliet l-elezzjoni ġenerali li wassal biex Abela biddel il-pożizzjoni tiegħu.

Din il-U turn ta’ Robert Abela waslet wara xhur ta’ oppożizzjoni mill-Partit Nazzjonalista, soċjeta’ ċivili, NGOs, residenti u oħrajn li għal xhur sħaħ raw l-appelli tagħhom jaqgħu fuq widnejn torox.

Dan hu episodju ieħor fejn anke mill-Oppożizzjoni l-Partit Nazzjonalista għamel id-differenza.