Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

“Għandna nagħtu sinjal ċar li aħna mal-poplu Ukren” – Bernard Grech

“L-involviment Russu fir-reġjuni tal-Ukrajna huwa kundannabbli. Għandna nagħtu sinjal ċar li aħna mal-poplu Ukren billi ningħaqdu f’reazzjoni Ewropea soda permezz ta’ sanzjonijiet ekonomiċi fin-nuqqas ta’ volontà oħra mir-Russja li tersaq għal negozjati diplomatiċi.”

Dan kien il-kliem tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’post imtella’ fuq il-media soċjali, wara li fl-aħħar sigħat ħarġet l-aħbar li s-suldati Russi daħlu fir-reġjuni Ukreni ta’ Donetsk u Luhansk.

Min naħa tagħha, ir-Russja stqarret li qed tagħmel dan sabiex iżomm il-paċi fiż-żewġ reġjuni, iżda bosta pajjiżi tal-Punent qed iqisu din il-mossa bħala skuża sabiex ir-Russja tinvadi l-Ukrajna.

Intant l-Istati Uniti diġà waqqaf il-kummerċ li għandu mar-Russja bħala parti mis-sanzjonijiet, li ffirma għalihom il-President Amerikan Joe Biden it-Tnejn filgħaxija.

Fuq post imtella’ fuq il-media soċjali, il-President tal-Parlament Ewropw Roberta Metsola saħqet li l-aħħar żviluppi fil-fruntiera bejn l-Ukrajna u r-Russja jiġġustifikaw sanzjonijiet severi. Dan hekk kif l-invazjoni tas-suldati Russi fir-reġjuni Ukreni ta’ Donetsk u Luhansk, hija ksur sfaċċat tal-liġi internazzjonali.

B’reazzjoni għal dak kollu li qed jiġri fil-fruntiera bejn l-Ukrajna u r-Russja, l-Unjoni Ewropea mistennija timponi diversi sanzjonijiet. Fuq il-media soċjali, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, fost l-oħrajn, inaqgħdu ma’ Roberta Metsola u tennew li l-Unjoni Ewropea flimkien mal-imsieħba se jirreaġixxu b’aktar għaqda, b’aktar determinazzjoni, u b’solidarjetà mal-Ukrajna.