Internazzjonali

Il-Ġermanja tiffriża l-proġett tal-pipeline tal-gass ‘Nord Stream 2’

Il-Ġermanja, b’konsegwenza tal-aħħar theddid mir-Russja lill-Ukrajna, iddeċidiet li ‘tiffriża’ il-proġett tal-pipeline tas-gas bl-isem Nord Stream 2.

Il-Kanċillier Ġermaniż, Olaf Scholz, qal li ċ-ċertifikazzjoni tal-pipeline – li hu ta importanza kbira — ma tistax issir meta wieħed jikkunsidra l-aġir tar-Russja. Dan wara li l-Ġermanja, fl-aħħar ġimgħat, kienet kritikata ‘għal nuqqas ta’ appoġġ konkret’ lill-Ukrajna f’dawn iz-zmenijiet diffiċli u qabel Moska rrankat l-azzjonijiet militari.

Il-pipeline Nord Stream 2 bejn ir-Russja u l-Ġermanja kien konkluż f’Settembru iżda għadu mhux qed jiffunzjona.

Qabel id-deċiżjoni minn Berlin, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, kien insista għall-iffriżar tal-pipeline fejn sostna li r-Russja ‘teħtieġ li tiffaċċja s-sanzjonijiet immedjati għal dak li qed twettaq.’

Zelensky qal ukoll li l-waqfa tal-proġett għall-provvista tal-gass lejn l-Ewropa għandha twassal ukoll messaġġ li ‘l-Ewropa mhix se tittollera l-politika ta’ aggressjoni minn Moska’.

Dan ukoll meta l-President Zelensky, fl-aħħar sigħat, kien qed jikkunsidra t-talba tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fi Kiev biex il-pajjiż jaqta’ ir-relazzjonijiet diplomatiċi kollha mar-Russja.