Waqt attività politika tal-Partit Nazzjonalista li saret fil-bajja ta’ Spinola f’San Ġiljan, tkellem Jake Scerri Seychell, li huwa l-Viċi President tal-MŻPN kif ukoll accountant illi spjega li l-greylisting qed iħalli mpatt negattiv fuq is-settur li jaħdem fih, kif ukoll fuq numru ta’ setturi oħra f’pajjiżna.
“Illum sar diffiċli biex wieħed jiftaħ kont il-bank u investitur irid jinvesti aktar flus biex imantni kumpanija u dan kollu konsegwenza tal-greylisting”, stqarr il-Viċi President tal-MŻPN.

Scerri Seychell tkellem ukoll dwar it-‘track record’ tal-Partit Nazzjonalista li joħloq l-impjiegi u setturi ġodda. Hu għamel referenza għal wieħed mis-setturi li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li joħloq, dak tad-due dilligence u l-compliance fejn dan se jkun settur importanti ferm għall-futur ta’ pajjiżna. Il-Viċi President tal-MŻPN temm l-intervent tiegħu billi stqarr li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard huwa s-soluzzjoni biex pajjiżna joħroġ mill-greylisting.
Fl-istess attività tkellem ukoll l-avukat Trevor Degiorgio li jaħdem fil-qasam tal-IGaming u s-Servizzi Finanzjarji fejn għamel referenza għall-proposta tal-metverse li hija waħda mill-għaxar setturi ġodda li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li joħloq permezz ta’ investiment ta’ biljun ewro. Degiorgio spjega dwar kif il-metaverse hija l-preżent iżda wkoll il-futur, fejn l-istudenti u ż-żagħżagħ se jkunu qed igawdu permezz ta’ ħolqien ta’ numru ta’ jobs f’dan is-settur.

Trevor Degiorgio tkellem ukoll dwar l-importanza li dan is-settur ikun regolat, hekk kif pajjiżna fi żmien amminstrazzjoni Nazzjonalista kellu l-abbilità li jirregola s-setturi ekonomiċi kollha. Degiorgio semma wkoll is-settur tad-due dilligence u l-compliance fejn Gvern Laburista ħalla diżastru u huwa l-Partit Nazzjonalista li kapaċi jdawwar din is-sitwazzjoni f’opportunità.
Kelliem ieħor waqt l-istess attività, kien il-President tal-Forum tal-SME’s Julian Galea fejn tkellem dwar il-problemi li numru ta’ business man qed jaffaċċjaw biex iżommu l-businesses tagħhom għaddejin. Galea stqarr li fl-aħħar disa’ snin ta’ kuljum fuq il-gazzetti rajna kif ftit negozjanti li kienu viċin il-politiċi tal-Gvern Laburista biss gawdew, filwaqt li l-business man iż-żgħir ma setgħax ilaħħaq mal-piżijiet finanzjarji kawża tal-pandemija tal-COVID-19.

Il-President tal-Forum tal-SME’s għamel appell għall-bidla fit-tmexxija ta’ pajjiżna, hekk kif il-business man Malti qed isibha diffiċli biex iżomm in-negozju tiegħu minħabba l-burokrazija li qed jaffaċċja ta’ kuljum. Dan qed iħalli wkoll impatt negattiv fuq iż-żagħżagħ li jitħajru jinvestu u jiftħu business hekk kif il-problema tal-greylisting qed tkompli żżid mal-piżijiet sabiex wieħed jagħmel dan.