Elezzjoni 2022 Lokali

Il-PN bi proposti biex inti tgħix ħajja diċenti

“Kulħadd għandu bżonn ikollu s-serħan tal-moħħ. Jekk familja dejjem tinkwieta dwar il-piż tal-għoli tal-ħajja u kif se tlaħħaq minn ġimgħa għall-oħra, se tibda tidħol tensjoni li żgur ma ġġibx dak is-serħan il-moħħ. Dan kollu jġib inċertezza fil-familja u mingħajr ma trid anke jekk tipprova taħbija, it-tfal ihossuha. Għalhekk hemm bżonn li l-għoli tal-ħajja tiġi indirizzata bis-serjetà.” – Hekk stqarret AnneMarie Grech, il-mara tal-Kap tal-PN Bernard Grech, meta ħadet sehem fil-programm ‘Qalb il-Familja’ li kien qed jiddiskuti l-għoli tal-ħajja u l-mod li bih din il-pjaga qed tafettwa lil kull persuna f’Malta u f’Għawdex.

Waqt dan il-programm, ippreżentat minn Marbeck Spiteri, kien intervista ukoll, il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Voice of the Workers Josef Vella. Hu saħaq li “ir-ritmu ta’ kif qed jiżdiedu l-prezzijiet huwa wieħed li ġeneralment qed joħroġ barra minn normal.” Hu spjega kif prodotti qed jiżdiedu b’75c minn ġimgħa għal oħra, filwaqt li hawn prodotti li qed jisparixxu minn fuq l-ixkafef. Il-Kap Eżekuttiv tal-UĠM tkellem dwar l-importanza li jiġi rranġat il-mekkaniżmu ta’ kif tinħadem iż-żieda għall-għoli tal-ħajja, dik magħrufa bħala COLA, dan sabiex jirrifletti t-tibdil li qed iseħħ fis-soċjetà llum il-ġurnata.” Josef Vella qal li l-għoli tal-ħajja qed jolqot lil kulħadd, anke persuni li għandhom paga tajba. Hawnhekk huwa għamel referenza għall-mod kif jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma hekk kif dawn ukoll qed iżidu l-piż fuq il-familji. Tkellem ukoll dwar l-importanza li l-ekonomija u l-ġustizzja jinżammu flimkien “għax ma jistax ikollok waħda mingħajr l-oħra.”

Finalment, Josef Vella kellu kliem pożittiv dwar il-proposta ta’ 10 pilastri ekonomiċi li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jġib f’Malta permezz ta’ investiment ta’ 1 biljun Ewro. Hu stqarr li fl-ekonomija għandna bżonn naraw investiment f’setturi ġodda filwaqt li għandna bżonn li nkunu kburin b’dak li hu tagħna. “Aħna rridu nsibu niċċeċ li jġibulna xogħol ta’ kwalità u dan jista’ jsir.”

Il-Fundatriċi u Chairperson tal-Malta Foodbank Foundation Irene Schembri tkellmet wkoll dwar il-problema tal-għoli tal-ħajja u kif din qed taffettwa lil diversi familji. Hi saħqet li din iż-żieda hija xi haġa li zġur kulħadd qed jaffaċċja kuljum. Trid toqgħod attent x’se tixtri. L-għoli tal-ħajja dejjem kienet teżisti imma issa qed togħla b’mod fenominali.”

Minn naha tiegħu, il-Viċi President tal-Kamra tal-SMEs Michael Galea qal li pajjiżna kif ukoll id-dinja kollha għaddejna minn pandemija li qed taffetwa l-logistika ta’ kif il-prodotti jiġu trasportati. Huwa qal li din is-sitwazzjoni ta’ żidiet fil-prezz tal-importazzjoni qed tħasseb lil diversi negozji u ħaddiema. Michael Galea għamel aċċenn għall-proposta li ressaq il-Partit Nazzjonalista b’fond ta’ 40 miljun ewro biex jgħdin lill-importaturi fejn saħaq li “dan il-fond li qed jipproponi l-PN jagħti opportunità biex persuna tbiegħ bil-prezz tas-suq.”