Internazzjonali

Ir-Renju Unit tieħu l-inizjattiva b’sanzjonijiet ġodda kontra l-interessi tar-Russja

  • Ir-Renju Unit ma tilifx iż-żmien biex iħabbar pakkett ta’ sanzjonijiet ġodda fil-konfront tar-Russja fost it-theddida ta’ offensiva militari sħiħa mill-qawwiet ta’ Moska fuq l-Ukrajna.
  • Il-Prim Ministru Britanniku,Boris Johnson, issa kkonferma s-sanzjonijiet kontra l-banek Russi Rossiya, IS Bank, General Bank, Promsvyazbank u l-Black Sea Bank.
  • Sadanittant, tliet persuni — Gennady Timchenko, Boris Rotenberg u Igor Rotenberg — ilkoll oligarki qrib ir-reġim ta’ Moska wkoll spiċċaw suġġetti għal sanzjonijiet, b’Johnson itenni li, ‘il quddiem, se jkun hemm ‘pakkett jerġa’ akbar ta’ sanzjonijiet’ kontra l-Gvern immexxi mill-President Russu, Vladimir Putin.
  • Iżda xi deputati fil-House of Commons ta’ Londra qalu li s-sanzjonijiet waħedhom mhumiex se jkunu biżżejjed biex iħallu l-impatt mixtieq — u meta hemm probabbiltà li r-Russja ssir eqreb taċ-Ċina komunista.
  • Min-naħa tiegħu, Boris Johnson qal li l-ebda pajjiż tan-NATO mhu jikkunsidra li jibgħat it-truppi għall-ġlied fl-Ukrajna, għalkemm l-Alleanza qed toffri mezzi oħra ta’ appoġġ militari lill-Ukrajna.
  • L-eks Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qalet li l-aħħar manuvri minn Moska jfissru li l-Punent u l-Ewropa jridu jingħaqdu ‘fid-difiża tad-demokrazija’ — bil-Prim Ministru Johnson iwissi li r-Renju Unit u pajjiżi oħra għandhom iħejju għal kriżi fit-tul.
  • Is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Liz Truss, sostniet li r-Russja għandha tinżamm kontabbli għall-azzjonijiet tagħha filwaqt li tħalles il-prezz għall-inkwiet u taqlib li qed toħloq għall-Istati ġirien u l-Ewropa. Fl-istess ħin, Truss enfasizzat il-ħtieġa li l-Ewropa tnaqqas id-dipendenza fuq il-gass prodott mir-Russja.