Lokali

“Ir-riskju ta’ reati finanzjarji u l-greylisting jibqgħu żewġ fatturi ta’ tħassib” – HSBC

Ir-riskju ta’ reati finanzjarji l jibqa’ għoli, u l-inċertezza kkawżata mill-greylisting tal-FATF huma żewġ fatturi li għadhom qed jimpattaw b’mod negattiv l-operat tal-HSBC f’pajjiżna. Dan minbarra l-effett ħażin li qed ikollhom ir-rati ta’ interessi negattivi.

Waqt konferenza li tulha kienu ppreżentati r-riżultati ta’ dik li kienet is-sena finanzjarja għall-2021, il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC f’pajjiżna Simon Vaughan Johnson mistoqsi minn Net News meta jaħseb li pajjiżna jista’ jreġġa lura l-ħsara mill-greylisting u jnaqqas ir-riskju ta’ reati finanzjarji… qal li ma jistax jgħid meta se nkunu qed noħroġu mill-lista l-griża filwaqt li qal li kif pajjiżna jirnexxielu jnaddaf ismu u joħroġ minn din il-lista, jkun tiżdied awtomatikament il-kunfidenza u jiżdied l-investiment.

Vaughan Johnson saħaq li bħala waħda mill-akbar istituzzjonijiet finanzjarji f’Malta l-HSBC se jkun qed jagħmel dak kollu possibbli biex dan iseħħ kemm jista’ jkun malajr,

Għas-sena li għaddiet, l-HSBC rreġistra profitt ta’ €26.9 miljuni qabel it-taxxa – żieda ta’ €16.4 miljuni fuq is-sena li għaddiet.

Id-depożit tal-klijenti żdiedu bi €348 miljun filwaqt li naqas is-self – kemm dak personali kif ukoll loans kummerċjali.

Fil-messaġġ aħħari, it-tmexxija tal-HSBC f’Malta qalet li l-bank jibqa’ miftuħ għan-negozju, qed jibqa’ jinvesti għall-futur u jibqa’ kommess għal innovazzjoni skont il-ħtieġa tal-klijent.