Kuntrattur tal-kostruzzjoni mill-Olanda ġie lliberat bil-kundizzjoni għall-perjodu ta’ sitt xhur u bil-Qorti tordnalu biex iħallas id-danni wara li wieġeb ħati li faqa’ żewġ bibien fl-appartament tal-Gżira fejn joqgħod, wara argument mat-tfajla tiegħu.
L-Ispettur Jonathan Ransley ressaq il-qorti lil Gerardus Martinus Pacasse ta’ 30n sena minn Nijmegen, l-Olanda quddiem il-maġistrat Lara Lanfranco. Pacesse, li deher fil-iżbarra b’driegħu marbut, kisser il-bieb taż-żona tal-komuni u l-bieb tal-appartament, u b’kollox ikkawża ħsarat b’valur ta’ €1515 ġewwa l-flat tal-Gżira li huwa mikri.
Huwa ġie mixli bi ħsara kriminali u li volontarjament kiser il-bon-ordni u l-paċi pubblika. Il-Qorti semgħet kif l-inċident seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar tad-19 ta’ Frar ta’ din is-sena, wara li t-tfajla tal-Olandiż kienet għalqitu barra mill-appartament waqt argument.
L-Avukat difensur Jason Grima, informa lill-Qorti li l-klijent tiegħu se jkun qed iwieġeb ħati tal-akkużi. Il-Maġistrat Lanfranco tat l-opportunità lill-imputat biex jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu, iżda l-akkużat ikkonferma l-ħtija tiegħu.
L-Ispettur Ransley esebixxa rċevuti li jiddokumentaw l-ispiża tat-tiswijiet. Waqt is-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena, l-ispettur qal li l-uffiċjali tal-pulizija li marru fuq il-post sabu ħsarat estensivi fiż-żewġ bibien. Waqt l-interrogazzjoni tiegħu, l-akkużat kien spjega lill-pulizija li kien iġġieled mat-tfajla tiegħu, li sussegwentement qaflitu barra.
“Fil-mument m’għandu l-ebda aċċess għall-appartament,” żied l-ispettur, li ssuġġerixxa libertà kundizzjonata. Grima qabel mal-piena ssuġġerita u kkonferma li l-akkużat se jħallas id-danni. “Kien xi ftit xurban, tilef it-tempra u jiddispjaċih ħafna għal dak li għamel.
Huwa umilment qed jitlob lill-qorti biex tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Probation. Qed jibda negozju u għandu bżonn rekord kriminali nadif,” spjega l-avukat. Il-Maġistrat Lanfranco, wara li sema’ s-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat u fid-dawl tal-ammissjoni tal-akkużat, kif ukoll il-kooperazzjoni tiegħu mal-pulizija, sabitu ħati u ħelsitu kondizzjonalment għal sitt xhur. Pacisse kien ukoll ordnat iħallas għad-danni f’dak il-perjodu. Il-Qorti wissiet lir-raġel biex iżomm il-paċi.
//= $special ?>