Lokali

Żieda fl-inċidenti tat-traffiku bejn Ottubru u Diċemru 2021

Minn stqarrija ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika, jidher li n-numru ta’ inċidenti tat-traffiku rrappurtati matul il-perjodu ta’ bejn Ottubru u Diċemru tas-sena 2021 laħaq it-3,697, b’żieda ta’ 16.6 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.

Fl-istess perjodu tas-sena 2021 id-diżgrazzji tat-traffiku fit-toroq żdiedu b’21.9 fil-mija għal 379 meta kkumparat mal-istess perjodu fl-2020. Il-persuni midruba ammontaw għal 84, u kienu jikkonsistu f’49 sewwieq, 15-il passiġġier u 20 pedestrians, ċiklisti, jew oħrajn.

L-istatistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika turi li l-maġġoranza ta’ dawk li weġġgħu gravi kienu rġiel (76.2 fil-mija). Barra minn hekk, il-ħamest imwiet li seħħew matul dan il-perjodu tas-sena 2021 kienu jinvolvu erba’ rġiel u mara. Apparti dan, ħafna mill-vittmi involuti huma persuni fil-grupp ta’ età bejn 26 u 59 sena.

L-akbar numru ta’ vittmi tat-traffiku fit-toroq (57.5 fil-mija) kienu jinvolvu karozzi tal-passiġġieri, segwiti minn muturi (33.2 fil-mija), u vetturi li jġorru l-merkanzija (6.3 fil-mija).

Diżgrazzji tat-traffiku fit-toroq li jirriżultaw minn inċidenti bejn vetturi kienu fuq quddiem tal-lista. L-ogħla numru ta’ vittmi tat-traffiku fit-toroq kien irreġistrat nhar l-Erbgħa bi 62 vittma, filwaqt li l-ogħla numru ta’ inċidenti tat-traffiku seħħew nhar ta’ Ġimgħa b’628 każ jew 17.0 fil-mija tat-total.

L-ogħla inċidenza ta’ inċidenti tat-traffiku kienet irreġistrata f’Birkirkara b’277 każ, segwit minn Ħal Qormi u San Pawl Il-Baħar, b’206 u 178 każ rispettivament. Lokalità waħda, L-Għasri fid-distrett ta’ Għawdex u Kemmuna, irreġistrat inqas minn tliet inċidenti tat-traffiku.