Internazzjonali

L-invażjoni tal-Ukrajna prattikament bdiet, fost il-movimenti tat-truppi Russi lejn iz-zoni okkupati mis-separatisti

 

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, ħareġ direttivi biex it-truppi tiegħu jidħlu fl-ibliet tal-Ukrajna li huma kontrollati mill-milizzji separatisti leali lejn Moska. Dan qed iseħħ wara li Putin, sigħat qabel, sar l-ewwel u l-uniku mexxej fid-dinja li rrikonoxxa z-zoni ta’ Luhansk u Donetsk ( fl-Ukrajna) bħala Stati indipendenti.

Filwaqt li l-Ewropa qed tħejji għal gwerra fuq l-għatba tagħha, l-aħħar filmati urew sriebet ta’ vetturi militari tar-Russi qed javvanzaw lejn il-fruntiera tal-Ukrajna.Dan waqt li Moska qalet li t-truppi tagħha se jkunu qed jaqdu r-rwol ta’ ‘qawwa għaz-zamma tal-paċi’ fl-imsemmija zoni li ilhom okkupati mis-separatisti mill-2014.

Madankollu dan il-kliem mhu qed jikkonvinċi lill-ebda mexxej fil-Punent, bl-Istati Uniti tfisser l-istqarrijiet ta’ Moska bħala ‘bla sens’ fost akkużi li r-Russja ‘qed toħloq l-iskużi biex taqla gwerra ġdida’.

Dan waqt li l-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky qal li pajjiżu ‘ma jibża minn xejn u minn ħadd’ , bl-Armata u riservisti Ukreni jinsabu fuq stat ta’ allert assolut.

F’diskors lill-poplu, Volodymyr Zelensky sejjaħ ukoll biex l-alleati tal-Ukrajna jimpenjaw ruħhom għal ‘azzjonijiet ta’ appoġġ effettivi’ filwaqt li sostna li ‘dan hu l-mument fejn l-Ukrajna se tara min huma tassew il-ħbieb tagħha’.

F’dawn is-sigħat, numru ta’ pajjiżi – fosthom ir-Renju Unit li hu l-aktar pajjiż li ħareġ fuq in-naħa tal-Ukrajna – kienu qed jippjanaw sensiela ta’ sanzjonijiet ġodda fil-konfront ta’ Moska. Dan wara l-aħħar inkursjonijiet militari f’artijiet li litteralment inħatfu lill-Ukreni snin ilu.

L-inkwiet dwar invażjoni tal-Ukrajna ilu għaddej il-ġimgħat u meta laħqu nġemgħu massimu ta’ 200,000 suldat mal-fruntiera tal-Ukrajna.

Sadanittant, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ltaqa’ b’urġenza u fejn l-Ambaxxatur tal-Istati Uniti, Linda Thomas-Greenfield, ikkuntestat bil-qawwi ‘it-teorija’ li s-suldati Russi jistgħu qed imexxu missjoni ta’ paċi fl-artijiet tas-separatisti. ‘Nafu x’eżatt x’inhu l-ħsieb ta’ Moska meta d-dikjarazzjoni tal-indipendenza għal Luhansk u Donetsk saret bl-iskuża ta’ invażjoni tal-Ukrajna’, sostniet l-ambaxxatur.

Ir-Russja ilha tappoġġja lir-ribelli separatisti f’Luhansk u Donetsk  — fir-reġjun magħruf bħala Donbas – għall-aħħar tmien snin. F’dan iż-żmien madwar 14,000 tilfu ħajjithom fil-ġlied bejn l-Armata tal-Gvern Ukren u l-milizzji separatisti.

Intant, fl-aħħar sigħat komplew l-evakwazzjonijiet tan-nisa, tfal u anzjani mit-territorju ta’ Donbas, fost rapporti li dawn qed jittieħdu lejn ir-Russja.

Putin jgħid li l-Ukrajna ‘qatt ma kienet Stat fil-veru sens’

Qabel l-aħħar movimenti inkwetanti tat-truppi Russi, il-President tar-Russja Vladimir Putin għamel diskors imqanqal lill-poplu fejn infexx f’attakk verbali kbir fuq l-Ukrajna u l-Punent. F’dan id-diskors ta’ siegħa, spikkat l-istqarrija ta’ Putin li l-Ukrajna ‘qatt ma kienet Stat fil-veru sens’ u li l-artijiet Ukreni huma parti integrali mill-istorja tar-Russja.

Jidher ukoll li Putin – wara ġimgħat ta’ stqarrijiet ambigwi – issa qed jikxef il-veru pjan tiegħu, b’kollox jindika li l-Ukrajna kapaċi tkun sigħat biss ‘il bogħod minn invażjoni totali….Invażjoni li mistennija tibda bil-bumbardamenti feroċi u offensiva diretta fuq il-kapitali Kiev.

Fl-istess ħin, Vasily Nebenzya, l-ambaxxatur tar-Russja għan-NU, qed jinsisti dwar “il-ħtieġa li r-Russja tiddefendi liz-zoni tar-ribelli kontra l-aggressjoni tal-qawwiet Ukreni fid-Donbas’.

Min-naħa tagħhom, il-potenzi tal-Punent qed ikomplu juru appoġġ u sostenn lill-Ukrajna, fost il-wiegħdiet ta’ aktar sanzjonijiet ħorox kontra r-Russja f’każ li l-militar tagħha jinfiltra aktar ‘il ġewwa fl-Ukrajna. Madankollu, ħafna osservaturi ma jistgħux jaqblu kemm is-sanzjonijiet jistgħu jkunu effettivi fil-konfront ta’ Moska li lanqas ma tidher li qed tirrispetta l-proċess tad-djalogu.