Lokali

Passiġier isofri ġrieħi gravi wara li kien involut f’ħabta bejn 4 vetturi

Ritratt: Martin Agius
L-inċident ħoloq mill-ġdid traffiku enormi f'diversi zoni tal-pajjiż

Raġel sofra ġrieħi gravi wara li kien passiġġier f’vettura waqt ħabta li seħħet bejn erba’ vetturi għall-ħabta ta’ 6.45am fil-Marsa Ħamrun Bypass.

Mill-ewwel investigazzjoni tal-Pulizija jidher seħħ inċident bejn vettura tal-għamla Volkswagen Golf misjuqa minn raġel ta’ 27 sena residenti l-Iklin, Kia Optima misjuqa minn raġel ta’ 73 sena residenti l-Gira, Toyota Townace misjuq minn raġel ta’ 58 sena residenti Birkirkara u Peugeot Expert misjuq minn raġel ta’ 30 sena residenti l-Marsa.

Tim mediku mar fil-post tal-inċident u ta l-ewwel għajnuna, fejn filwaqt li x-xuffiera kollha ħelsuha ħafif, ambulanza ħadet lill-passiġier li kien fil-vettura tat-tip Kia, raġel ta’ 46 sena residenti l-Gżira, l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Hemmhekk, hu ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet dwar dan il-każ.

Intant, dan l-inċident kważi ipparalizza zoni sħaħ fiċ-ċentru u n-naħa t’isfel ta’ Malta. Bit-traffiku jestendi sa Ħaż-Żebbuġ u anke l-Imsida.