Lokali

Robert Abela jibqa’ jaħrab dibattitu ma’ Bernard Grech

Għat-tieni darba fi ftit sigħat, Robert Abela ħarab stedina għal dibattitu ma’ Bernard Grech.

Waqt konferenza tal-aħbarijet, il-ġurnalist tat-Times of Malta Mark Laurence Zammit stieden lil Abela għal dibattitu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Iżda Abela evidentement deċiż li jaħrab li jiddibatti ma’ Bernard Grech qal li ‘id-dibattiti isiru’ u b’hekk għażel li ma jaċċettax l-istedina ta’ Zammit.

Mark Laurence Zammit tat-Times stieden lil Robert Abela għal dibattita, imma Abela m’aċċettax

Din kienet it-tieni stedina għal dibattitu ma’ Bernard Grech fi ftit sigħat. Ilbieraħ, Jon Mallia minn LovinMalta għamel stedina simili għal dibattitu bejn il-Mexxej tal-Labour u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Għal din l-istedina, il-Kap tal-PN Bernard Grech wieġeb b’mod immedjata u laqa’ l-istedina. Mistoqsi waqt l-istess konferenza minn Tim Diacono ta’ LovinMalta hux se jkun qed jaċċetta l-istedina, Abela dar dawra bil-kliem u baqa’ ma aċċettax.

Robert Abela ilu jirriffjuta stediniet għal dibattiti u intervisti sa mill-bidu tat-tmexxija tiegħu tal-Partit Laburista. Ironikament, waqt il-kampanja tiegħu għat-tmexxija tal-Labour, Abela kien qal li se jkun qrib il-ġurnalisti u se jaċċetta kull stedina għal intervista. Sal-lum, il-ġurnalisti għadhom jistennew.