Għaldarboħra, Robert Abela qed jaġixxi ta’ tarka għall-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg kull darba jkun affaċċjat b’mistoqsijiet fejn ikun mitlub jispjega x’wassal għal patteġġjament li għamlet Buttigieg ma’ Daren Debono t-Topo. Patteġġjament li qajjem ħafna dubju anke u speċjalment fost il-professjonisti legali.
Kull darba li qed ikollu konferenza tal-aħbarijiet jew attivitajiet simili, qed ikunu diversi l-ġurnalisti minn mediahouses differenti li qed jippruvaw jiksbu tweġibiet b’rabta ma’ dal-ftehim. Il-mistoqsija ħafna drabi qed tkun “x’wassal biex l-Avukat Ġenerali tat maħfra fuq parti mill-piena ta’ Debono?” u “min se jġorr ir-responsabbiltà għal patteġġjament li falla?”.
Illum, Abela kien mistoqsi minn Newsbook x’esperjenza għandha filfatt Victoria Buttigieg fil-qasam kriminali. Abela wieġeb li Buttigieg għandha esperjenza vasta bħala avukat.
Madankollu, huwa fatt magħruf li Victoria Buttigieg serviet biss għal żmien qasir ferm fl-uffiċju tal-Avukat Ġenerali preċedenti Peter Grech. Aktar minn hekk, professjonisti fil-qasam legali qed jgħidu li Buttigieg m’għandha assolutament l-ebda esperjenza fil-qasam u li hi mhijiex familjari tal-qasam tal-kriminal.
Iżda Abela qed jinsisti li Buttigieg għandha ħafna esperjenza u qed jiddefendiha fil-ftehim li laħqet biex Debono jingħata maħfra bi skambju għal xhieda li issa qed jirriffjuta li jagħti.
//= $special ?>