Lokali

“Tal-One b’kampanja qarrieqa” – Repubblika

Tal-One għaddejjin b’kampanja qarrieqa. Hekk stqarret l-organizzazzjoni Repubblika wara rapport li deher fuq il-porta tal-Partit Laburista.

Repubblika rreferiet għar-rapport tal-kamra tal-aħbarijiet tal-Labour li jattribwixxi lil Repubblika kumment li Repubblika qatt ma għamlet. L-istess organizzazzjoni qalet li f’isem Repubblika jitkellem biss il-Kumitat Eżekuttiv, li bl-ebda mod ma esprima ruħu b’dan il-mod.

Il-fatt li l-imsemmi rapport jattribwixxi inġustament u b’mod qarrieqi lil Repubblika affermazzjoni li hi qatt ma għamlet kien espress ukoll mill-awtur tat-tweet ikkwotat fir-rapport. Fi tweet separat, il-persuna kkonċernata qalet: “Let me make it very clear to them that I represent nobody but myself and they’re going to find themselves slapped with legal action if they persist in claiming I represent others”.

Repubblika qalet li l-Kamra tal-Aħbarijiet tal-ONE għaddejja b’kampanja qarrieqa u inveritjiera fil-konfront tagħha bi skopijiet li huma għalkollox differenti, u spiss opposti, għall-iskopijiet u l-valuri tal-ġurnaliżmu.

Repubblika talbet il-pubblikazzjoni immedjata tal-verżjoni tagħha tal-fatti bħala dritt ta’ risposta skont ma jipprovdu l-Liġijiet ta’ Malta, u jekk le qalet li se tkun qed tieħu l-passi meħtieġa.