Lokali

X’qed jaħbi Robert Abela dwar id-deals ma’ Christian Borg?

Għaddiet ġimgħa minn meta l-Prim Ministru Robert Abela wiegħed li se jwieġeb id-domandi kollha dwar id-deals tiegħu mal-allegat kriminal Christian Borg.

L-intervista fuq XTRA xxandret u Robert Abela baqa’ ma wieġeb xejn… anzi qamu aktar mistoqsijiet… u għal’darb oħra, Robert Abela għamel wegħda li ma żammx.

F’artiklu fis-sit The Shift News. Il-Professur Ranier Fsadni jitkellem dwar dan id-deal fejn Abela ttrasferixxa x-xiri ta’ plot f’Ħaż-Żabbar lil Christian Borg, fejn kif ikkonferma l-Prim Ministru stess, hu għamel profitt mid-deal…. iżda baqa’ ma qalx kemm kien il-profitt.

The Shift tispjega kif mhux normali li l-avukati jidħlu fi tranżazzjonijiet kummerċjali mal-klijenti tagħhom. Borg kellu 25 sena meta sar dan id-deal, u kemm kien il-valura tal-propjetà għadna ma nafux għaliex Abela għal xi raġuni qed jaħrab milli jwieġeb.

L-artiklu ta’ The Shift jispjega wkoll kif dan it-tip ta’ trasferiment ta’ proprjetà huwa magħruf li jintuża bħala lakuna legali għall-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus.

Allura…biex ineħħi kull dubju ta’ dan, kull ma jrid jagħmel Robert Abela hu li wieġeb mistoqsija sempliċi ħafna…

The Shift jinnota kif minflok iwieġeb għad-domandi, Robert Abela qed jipprova jqarraq bin-nies, jipprova jnessi dan l-iskandlu u jattakka lill-Partit Nazzjonalista… b’Ranier Fsadni jisħaq b’mod ċar li din l-attitudni ta’ attakki fuq l-Oppożizzjoni mhux se tnessi dawn il-mistoqsijiet li qed ikomplu jqumu dwar ir-relazzjoni u d-deals ta’ Abela ma’ Christian Borg.