F’diskors li għamel illejla fil-Mellieħa, Robert Abela wera kemm hu ddistakkat mir-realtajiet tan-nies … jew inkella jrid iqarraq bin-nies. Dan meta qal li lill-anzjani “ma ħadilhom xejn”. Għalkemm b’mod konvenjenti, hu ma semmiex is-serq li qed jisraq kull xahrejn lill-anzjani ma’ kull kont tad-dawl li qed jibgħatilhom.
Abela semma’ wkoll il-mediċini. Anke hawn, hu ma tkellimx dwar il-mediċini inferjuri u ta’ kwalità baxxa li qed jingħataw l-anzjani tagħna biex il-Gvern jiffranka l-flus. U filwaqt li Robert Abela qed jixxaħħaħ mal-anzjani tagħna li ħadmu għomorhom sħiħ għall-pensjoni tagħhom, jibqa’ joħroġ il-miljuni mit-taxxi li ħallsu huma stess biex itihom lil Steward għad-deal oxxen tal-isptarijiet.
F’kull diskors tiegħu, Abela qed ikun dejjem aktar moħħu fil-Partit Nazzjonalista, li jsemmi ma kull sentenza li jlissen.
Sadanittant, fil-Mellieħa ma kienx hemm sinjal ta’ Joseph Muscat li wara li lbieraħ Abela ramieh meta mistoqsi jekk hux dispost li jinkludih fil-kampanja elettorali tiegħu, bi sfida – dalgħodu – tfaċċa f’attività politika ta’ Deo Debattista f’Marsaxlokk.
Hu sigriet magħruf li Muscat u Abela fl-aħħar ġimgħat bdew sfida ta’ wirja ta’ min hu l-aktar b’saħħtu bejniethom, b’Muscat evidenti li għadu jikkontrolla klikka kbira mill-Grupp Parlamentari u mill-Partit Laburista.