Elezzjoni 2022 Għawdex Lokali

ARA: il-proposti tal-PN għal Għawdex

Il-Partit Nazzjonalista bi programm elettorali ambizzjuż għal Għawdex

Għawdex hu għal qalb il-Partit Nazzjonalista, u għal dan l-iskop ħejja numru ta’ proposti li se jkomplu jtejbu l-kwalitá tal-ħajja tal-poplu Għawdxi.

Wara li lbieraħ il-Partit Nazzjonalista approva l-programm elettorali ‘Miegħek. Għal Malta’ għall-ħames snin li ġejjin, f’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech elenka l-ewwel proposti tiegħu għall-gżira Għawdxija. Kienet ix-xewqa tal-Partit Nazzjonalista li fl-ewwel tliet ijiem tal-kampanja jkun fil-gżira Għawdxija u jħabbar il-proposti li l-Partit Nazzjonalista għandu preparat għaliha. 

Dawn huma l-proposti mħabbra:

  • Inwaqqfu immedjatament il-privatizazzjoni tal-uniku sptar li għandna f’Għawdex u dan ma jibqax f’idejn Steward. Minflok inwettqu programm kapitali massiv għall-iżvilupp, permezz tal-Malita plc, ta’ Sptar Ġenerali ġdid ta’  400 sodda f’Għawdex.
  • Ninvestu bil-kbir u niffinanzjaw l-estensjoni ta’ firxa ta’ trattamenti għall-kanċer mogħtija f’Għawdex stess.
  • Niftħu servizz ġdid tal-MRI f’Għawdex u nallokaw riżorsi speċjalizzati biżżejjed għall-kliniċi tal-outpatients ħalli nnaqqsu l-iskariġġ tal-pazjenti Għawdxin lejn Malta.
  • Ser nibnu campus tal-MCAST ġdid ġewwa Għawdex fejn apparti li jiżdiedu il-korsijiet offruti jiġu introdotti korsijiet ġodda f’diversi oqsma marbutin mal-għaxar setturi ġodda li ser ninvestu fihom f’pajjiżna.
  • Nibnu branka dedikata tal-Malta Enterprise b’unità ta’ appoġġ għall-promozzjoni tal-investiment dirett lokali u barrani f’Għawdex.
  • L-aċċessibbilta’ effettiva u effiċjenti bejn Malta u Għawdex hija priorita’, speċjalment fid-dawl tal-insularita’ doppja li tiżvantaġġa lil Għawdex u lill-Għawdxin. Għax jimpurtana rridu nassiguraw li l-aċċessibbilta’ ma tkunx aktar ta’ xkiel u b’hekk intejjbu l-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu Għawdxi. Dan kollu jista’ jsir jekk jintlaħaq bilanċ bejn aċċessibilta eċċellenti u miżuri li huma sostenibbli u responsabbli.
  • Inkabbru l-port tal-Imġarr biex insaħħu l-faċilitajiet tiegħu b’mod li jkun jista’ jilqa’ aħjar għat-traġitt bejn iż-żewġ gżejjer, b’mod li jilqa’ għall-bżonnijiet tal-passiġġieri u l-merkanzija tal-lum u tal-futur.
  • Inżidu l-flotta tal-Gozo Channel b’żewġ vapuri ġodda biex intejbu l-infrastruttura tat-traġitt bejn Malta u Għawdex u l-effiċjenza tas-servizz. Wieħed minn dawn il-vapuri jkun dedikat għall-merkanzija u jieħu post il-vapur Gried. Nerġgħu nintroduċu servizz regolari u ta’ kuljum tal-merkanzija lejn il-Port il-Kbir.
  • Isiru l-istudji kollha neċessarji f’termini ekonomiċi, ambjentali, soċjali u oħrajn bi tħejjija għall-proġett tal-link permanenti bejn Malta u Għawdex.
  • Nikkonsultaw mal-poplu Għawdxi dwar il-link permanenti permezz ta’ referendum wara li jkollu l-fatti kollha f’idejh bil-pubblikazzjoni tal-istudji.
  • Indaħħlu fis-seħħ servizz bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet ukoll indirizzata minn Claudio Grech, il-persuna li ħa ħsieb it-tfassil tal-programm elettorali. Huwa qal li dan il-programm hu programm abizzjuż li iżda jista jwassal għal tibdil għall-aħjar fil-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.