Elezzjoni 2022 Lokali

ESKLUSSIVA: Joseph Muscat jisfida lil Robert Abela

Jitfaċċa f'nofs il-kampanja wara li wiegħed li jekk hemm bżonn "se jagħmel l-istorbju"

Joseph Muscat żamm kelmtu li mhux se joqgħod aktar kwiet, u tfaċċa f’attività politika f’Marsaxlokk.

Muscat sfida lil Robert Abela wara li dan tal-aħħar 24 siegħa ilu ddeskriva lill-predeċessur tiegħu bħala “persuna li ma taqbilx miegħu”, biex l-eks Prim Ministru Laburista tfaċċa f’attività politika li saret dalgħodu f’Marsaxlokk.

Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ kien mistoqsi hux komdu b’Joseph Muscat fil-kampanja elettorali tal-Labour, iżda hu ddistakka ruħu minn Muscat. Madankollu, Joseph Muscat jidher li wettaq din il-mossa ta’ dalgħodu bħala sfida u tfaċċa bla mistenni f’attività fil-Każin tal-Labour li għaliha attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista.

Din il-mossa tidher li qed tkompli toħloq aktar skossi fil-kampanja ta’ Robert Abela li qed isibha diffiċli jistabbilixxi ruħu u li għad għandu problemi kbar jiġbed miegħu lil dawk magħrufa bħala “ta’ Joseph”.

Apparti dan, il-klikka ta’ Abela fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tinsab urtata ferm li ġew ċirkolati dawn ir-ritratti li waslu għand Net News.