Il-proposti ġodda li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista se jkunu krucjali sabiex tkompli tissebbaħ il-gżira Għawdxija u jgħinu lill-Għawdxin jimxu ‘l quddiem u jkollhom kwalita ta’ ħajja aħjar u servizz ta’ saħħa aħjar.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret Għawdex, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-programm elettorali tiegħu għall-gżira Għawdxija.
Il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li l-viżjoni tal-PN hija bbazata fuq numru ta’ temi. Viżjoni li permezz tagħha se jkunu premjati dawk il-persuni li flimmkien magħna jridu li jibnu Malta aħjar. Programm dettaljat u ambizzjuż li jgħaqqad flimkien kull parti ta’ viżjoni li tibni fuq oħra…. Viżjoni kredibbli u fattibbli.
Huwa qal li jinsab determinat li jsewwi l-ħsara li ħoloq Gvern Laburista… bħalma ġara lbieraħ li ċeda għall-pressjoni li saret mill-PN u l-Prim Ministru rtira dak li kien propost għal Marsaskala.
“La aħna jirnexxilna nagħmlu ġid mill-Oppożizzjoni aħseb u ara jekk inkunu fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż. Partit Nazzjonalsita li dejjem tejjeb il-qagħda ekonomika u l-kwalità tal-ħajja tan-nies.” Bernard Grech qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jibda biex iwaqqaf il-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u ma jibqax f’idejn Stewart. Apparti dan se jkun hemm investiment fit-trattament għall-kanċer f’Għawdex stess.
Fost il-proposti hemm kampus tal-MCAST ġdid f’Għawdex u jiġu introdotti korsijiet ġodda marbuta mal-għaxar setturi ġodda li se jinvesti fihom pajjiżna.
Proposta oħra hija ta’ branch ġdida tal-Malta Enterprise f’Għawdex u jkun hemm aċċessibbiltà fiżika bejn Malta u Għawdex u jitkabbar il-port tal-Imġarr. Apparti dan se tiżdied il-flotta tal-Gozo Channel, b’wieħed minnhom dedikat għall-merkanzija.

Bernard Grech qal li għandu jkun hemm servizz bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer. Huwa qal li biex jgħinu jitwettaq dan kollu, il-PN qed jippreżenta kandidati enerġetiċi li qegħdin fil-politika għar-raġunijiet it-tajbin.
Claudio Grech, li fassal il-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista , qal li lbieraħ filgħaxija l-Eżekuttiv approva l-programm elettorali tal-PN għall-elezzjoni ġenerali. Programm li huwa mibni fuq viżjoni ċara fejn aħna rridu nieħdu dan il-pajjiż.
Il-programm elettrorali b’enfasi fuq il-preservazzjoni tal-identità ta’ Għawdex li għandha rwol ewlieni fit-tkabbir ta’ pajjiżna, Għawdex ikun post b’ekonomija li żżid il-valur u tipproteġi l-ambjent. Programm elettorali għal Għawdex li inħema fuq disa’ xhur. Matul dan iż-żmien kien hemm diversi żgħażagħ li ressqu l-ideat tagħhom sabiex imbagħad seta’ jitfassal dan il-programm elettorali.
“PN li huwa b’sahhtu li qiegħed kontinwament jiġġedded b’politika li se ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.”
