F’konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Marsaskala, il-Partit Nazzjonalista wassal il-messaġġ li l-ambjent huwa verament pilastru fil-politika tiegħu. Il-PN appella biex il-Prim Ministru jaċċerta li dan il-proġett mhux ser ikun qed isir x’imkien ieħor.
Quddiem il-bajja pittoreska ta’ Wied il-Għajn li sal-bieraħ il-Gvern ta’ Robert Abela kien determinat li jisraqha lill-Iskalin u jibdilha f’marina, Robert Cutajar, kelliem għall-ambjent f’isem il-Partit Nazzjonalista, John Baptist Camilleri, minority leader fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, u Janice Chetcuti li tmexxi l-PN Greens qalu li fil-ħin li ġej se jkun imniedi l-pjan elettorali li fih l-ambjent hu pilastru ewlieni.
Robert Cutajar tkellem dwar kif il-Partit Nazzjonalista anke mill-Oppożizzjoni għamel id-differenza fil-ħajjiet tal-Maltin billi kien il-vuċi tas-sens komun meta l-Gvern kien qed jaħdem kontra l-poplu Malti. Dan għamlu meta tkellem b’saħħa dwar l-isfreġju f’Kemmuna li dwaru l-Ombudsman ta raġun lill-PN, u għamlu wkoll meta tkellem kontra l-proġett tal-marina li wassal ukoll biex Robert Abela kellu jagħmel u-turn dwarha. Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent, Robert Cutajar minn naħa tiegħu saħaq li b’kuntrast għall-Gvern Laburista, il-PN qed jieħu l-ambjent bis-serjeta u spjega kif bil-provi qed juri li dan is-settur huwa pilastru ewlieni fil-politka tal-PN. Dan ser joħroġ biċ-ċar fil-jiem li ġejjin fil-programm elettorali tal-PN, li kif għamel matul dawn l-aħħar snin, ser ikompli joħroġ b’diversi proposti konkreti biex pajjiżna jkollu ambjent li jixraqlu.
John Baptist Camilleri, li kien strumentali fir-reżistenza kontra l-marina proposta mill-Gvern f’din il-lokalità qal li jittama li l-wegħda ta’ Robert Abela li jwaqqaf dan il-proġett mhux wegħda li tintesa wara l-elezzjoni u tkellem ukoll dwar proġett ieħor li r-residenti Skalin kellhom ukoll jitħabtu kontrih – dak li ssir pixxina enormi li tieħu terz tal-bajja. F’dak il-każ, ir-residenti kellhom joħorġu l-eluf minn bwiethom biex jiġġieldu dan il-proġett minn buthom. Camilleri qal li Gvern serju ma jgħaddix liċ-ċittadini minn dan l-inkwiet minflok jaħdem għall-ġid tagħhom. Il-Minority Leader tal-PN f’Marsaskala, qal illi jispera li l-u-turn ta’ Robert Abela mhuwiex biss pass ta’ konvenjenza għaliex ġejja elezzjoni.
Minn naħa tagħha, Janice Chetcuti fakkret kif il-PN dejjem issielet u ngħaqad maċ-ċittadini biex jagħti l-aħjar għall-ambjent tagħna. Hija qalet li l-PN appella bis-sħiħ biex l-art fil-Cottonera u f’Żonqor u l-bajja ta’ Marsaskala jibqgħu tal-Maltin. Chetcuti qalet li fejn jidħol l-ambjent, il-Partit Nazzjonalista ma jaqta’ qalbu qatt. U filwaqt li spjegat li l-PN qatt ma kien kontra l-iżvilupp, dan l-iżvilupp irid ikun sensibbli u sostenibbli, anke biex ma nkomplux naraw żgħażagħ jitilqu minn pajjiżna għal kollox.
Intant, l-aħbar li Abela għamel u-turn dwar il-proġett tal-Marina fil-Bajja ta’ Marsaskala, wasslet biex ħafna reaġixxew fuq il-media soċjali u esprimew id-dubju dwar kemm il-Mexxej Laburista verament għandu l-intenzjoni jwaqqaf dan il-proġett. Fil-fatt, ħafna qed jantiċipaw li l-intenzjoni ta’ Robert Abela hi aktar relatata mal-elezzjoni ġenerali, bil-proġett ikompli jekk jirbaħ l-elezzjoni ġenerali. Dan filwaqt li kienu diversi dawk li b’mod apert faħħru l-pressjoni li għamel il-PN biex dan il-proġett ma jsirx.
//= $special ?>