Elezzjoni 2022 Lokali

Il-PN qed joffri s-soluzzjonijiet għall-isfidi li qed jiffaċjaw ir-residenti tal-Ewwel Distrett

Il-Partit Nazzjonalista qed joffri s-soluzzjonijiet għar-residenti tal-Ewwel Distrett. Dan kien il-messaġġ li twassal mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista f’attività politika li saret quddiem il-Liċeo fil-Ħamrun bit-tema ‘It-Tim Tiegħek – l-Ewwel Distrett’.

“Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jaħdem fuq is-sigurtà, fuq il-pulizija u anke fuq is-sigurtà fil-ħabs biex jagħti serħan il-moħħ lir-residenti tal-ewwel distrett”, hekk stqarr il-Kandidat Darren Carabott f’din l-attività.

Carabott tkellem dwar il-problemi li qed jaffaċċjaw ir-residenti tal-ewwel distrett, fejn problema ewlenija hija dik tas-sigurtà, b’bosta residenti qed jibżgħu fi djarhom minħabba iż-żieda fir-reati kriminali f’dan id-distrett. Darren Carabott sellem ukoll il-memorja ta’ Miriam Pace li għada tagħlaq sentejn minn meta sfat vittma wara li d-dar tagħha waqgħet. Hu semma wkoll kif il-Gvern wieħed riforma fil-propjetà iżda din qatt ma wasslet bil-Gvern Laburista jibqa’ jirrifjuta li jsemmi t-triq għal Miriam Pace. Carabott temm id-diskors tiegħu billi qal li l-PN huwa l-unika bidla biex għada jkun aħjar.

Il-kandidata Josianne Cardona Gatt stqarret li għaliha hija emozzjoni kbira li l-Eżekuttiv tal-PN, it-Tlieta filgħaxija approva l-kadidatura tagħha fuq l-Ewwel Distrett. Cardona Gatt tkellmet dwar kif il-Partit Nazzjonalista dejjem mexxa lil pajjiżna u lill-ħaddiem Malti ‘l quddiem.

Hi żiedet tgħid li l-Partit Nazzjonalista dejjem tellgħa l-isem ta’ pajjiżna l-fuq fejn sellmet lil Roberta Metsola li ftit tal-ġimgħat ilu nħatret bħala President tal-Parlament Ewropew. Josianne Cardona Gatt fakkret kif il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel proposti konkret fejn għal kuntrarju tal-Partit Laburista, dan qed jagħmel proposti għaliex qed jibża li jitlef il-voti.

“It-triq hija għat-telgħa iżda flimkien nistgħu naslu”, hekk stqarr il-kandidat tal-PN Mario De Marco fejn fakkar ukoll li matul is-snin, il-poplu Malti mexa t-triq mal-Partit Nazzjonalista biex flimkien għamilna kisbiet importanti. De Marco fakkar kif jum wara jum il-PN dejjem ingħata raġun fejn fakkar li minkejja li rebaħ l-aħħar Elezzjoni Ġenerali, Joseph Muscat kellu jirriżenja sentejn wara.

Hu żied jgħid kif pajjiżna mhux biss tilef ismu iżda tilef ukoll ir-ruħ soċjali tiegħu. Mario De Marco fakkar kif il-Partit Nazzjonalista qed iwigħed li l-anzjani ma jħallsux taxxa fuq il-pensjoni kif ukoll se jkun hemm żieda fuq l-allowances tal-carers. Mario De Marco temm id-diskors tiegħu billi fakkar ukoll kif fil-jiem li għaddew il-PN propona wkoll li permezz ta’ investiment ta’ biljun ewro se jkun qed joħloq għaxar setturi ġodda.

Il-kandidat James Aaron Ellul spjega kif fl-aħħar snin l-Ewwel Distrett ġie traskurat mill-Gvern Laburista. Ellul tkellem ukoll dwar l-importanza li tinħoloq politika ta’ bilanċ fejn il-politika tal-Partit Nazzjonalista qed tindirizza numru ta’ sfidi, fosthom dik li sseħħ riġenerazzjoni serja fl-Ewwel Distrett, tiġi ndirizzata l-problema tal-għoli tal-ħajja kif ukoll se jkun qed jindirzza l-problema tal-isfidi edukattivi.

James Aaron Ellul fakkar kif il-Gvern Laburista nesa n-nies tal-Ewwel Distrett, filwaqt li l-politika tal-Partit Nazzjonalista hija li jkun viċin in-nies u fis-sigħat li ġejjin se jkun qed japprova Programm Elettorali li se jkun qed jagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.

“Il-Programm Elettorali tagħna se jkun wieħed li għanda nkunu kburin bih”, hekk stqarr il-kandidat Christian Micallef filwaqt li sellem u faħħar il-ħidma ta’ Claudio Grech li kien il-persuna li fassal il-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista. Micallef qal li l-programm se jkun qed jiddisntingwi lill-Partit Nazzjonalista mill-Partit Laburista.

Hu semma kif il-Partit Nazzjonlista se jkun qed jagħti l-identità lura lill-Ewwel Distrett filwaqt li jindirizza l-problema tal-housing, u anke dik tal-popolazzjoni li fl-aħħar snin naqset hekk kif bosta residenti ħallew l-Ewwel Distrett biex marru jgħixu f’lokalitajiet oħra. Christian Micallef temm id-diskors tiegħu billi fakkar kif il-Partit Nazzjonalista flimkien mal-Kap Bernard Grech huwa u se jibqa’ mal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

“Nivvutaw għall-Partit Nazzjonlista għaliex aħna kapaċi nwettqu l-proposti kollha”, dan kien il-messaġġ tal-kandidata Paula Mifsud Bonnici fejn qalet li l-poplu ma jridx jivvota għall-Partit Nazzjonlista għaliex il-Partit Laburista huwa korrot iżda għaliex il-Partit Nazzjonlista kapaċi jikkonvinċi bil-proposti tiegħu.

Mifsud Bonnici qalet li l-PN dejjem wettaq u ħoloq il-ġid għall-pajjiżna u hekk se jkompli jagħmel jekk ikun fdat mill-poplu. Hi żiedet tgħid kif il-PN jista’ jagħmel il-ġid għall-Maltin u l-Għawdxin kollha u fakkret kif matul is-snin il-Gvern Laburista għamel bosta wegħdi għall-Ewwel Distrett iżda dawn baqgħu qatt ma twettqu. Paula Mifsud Bonnici għalqet billi qalet li għandna nkompli nikkonvinċu li Bernard Grech għandu jkun il-Prim Ministru ta’ pajjiżna wara l-Elezzjoni Ġenerali.

U l-kandidat Justin Schembri fakkar kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jipproponi nurmu ta’ proposti favur l-edukazzjoni u ż-żagħżagħ. Schembri semma kif il-PN se jkun qed jara liż-żagħżagħ jibqgħu f’pajjiżna u jkomplu jkabbru l-għarfien tagħhom hekk kif se jkun qed jagħti €500 liż-żagħażgħ biex imorru jieħdu esperjenza barra pajjiżna.

Hu semma wkoll kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħti €300 lill-ġenituri li jinvolvu lil uliedhom f’attvitajiet extra-kurrikulari. Justin Schembri temm billi qal li l-Partit Nazzjonalista jagħti serħan il-moħħ lill-ġenituri biex jaraw lil uliedhom jikbru u jkollhom futur f’pajjiżna.