Elezzjoni 2022 Lokali

Imniedi d-dokument ‘Elezzjoni 2022: Noħolqu Soċjetà Aktar Ġusta’

Fid-dawl tal-Elezzjoni Ġenerali li se ssir fit-26 ta’ Marzu li ġej, l-Erbgħa filgħodu l-fondazzjoni Aditus nediet id-dokument bl-isem ‘Elezzjoni 2022: Noħolqu Soċjetà Aktar Ġusta’, dokument ta’ 28 paġna li jiġbor numru ta’ proposti li jħossu li se jikkontribwixxu sabiex Malta ssir soċjetà aktar ġusta.

Ir-rapport jinkludi 37 wegħda li l-kandidati għandhom jagħmlu, inkluż dwar is-saltna tad-dritt, l-istituzzjonijiet demokratiċi, l-ażil u l-migrazzjoni, iċ-ċittadinanza u d-drittijiet taċ-ċittadini, il-ġustizzja, LGBTIQ+, u impenji internazzjonali.

Għalhekk permezz ta’ dawn is- 37 wegħda, il-fondazzjoni Aditus tħeġġeġ il-Kandidati sabiex ikunu konxji li d-demokrazija, is-saltna tad-dritt, it-trasparenza u l-ġustizzja ikunu l-fulkru li fuqu jitmexxa Stat. Aditus tisħaq li dawn huma l-gwida prinċipji li għandhom ikunu il-bażi tal-impenji politiċi meħuda tul il-perjodu tal-kampanja elettorali.

Il-fondazzjoni Aditus tixtieq tara kampanja elettorali inklużiva bbażata fuq ideat demokratiċi, viżjoni ċara u dinjità umana. Din il-fondazzjoni tittama li l-kandidati kollha joqogħdu lura minn diskors u mġiba li jkunu b’xi mod offensivi, immaturi u mhux xierqa.

B’mod partikolari, il-fondazzjoni Aditus tappella bil-qawwa lill-kandidati u lill-mexxejja tal-Partiti sabiex jassiguraw li l-kampanji tagħhom ikunu kompletament ħielsin minn razziżmu u misoġinija.

Dawn huma xi wħud mill-wegħdiet tal-fondazzjoni Aditus: Tistabbilixxi u tippubblika pjan ta’ azzjoni biex timplimenta rakkomandazzjonijiet pendenti dwar is-saltna tad-dritt li saru f’diversi rapporti, twiegħed li l-Parlament minn part-time isir full-time fil-leġislatura li jmiss, id-dekriminalizzazzjoni tal-użu ta’ dokumenti foloz f’sitwazzjonijiet li jinvolvu refuġjati li jippruvaw jidħlu Malta, u tappoġġja b’mod attiv l-isforzi ta’ leġiżlazzjoni tal-UE kontra s-SLAPP.