Elezzjoni 2022 Lokali

Mit-Tnejn jibdew jitqassmu l-voti

F’dawn il-jiem, jibda jilħaq il-qofol tiegħu x-xogħol tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Nazzjonalista bi tħejjija għall-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu – ħidma li ilha li bdiet diversi xhur, partikolarment meta l-Mexxej Laburista ħalla lill-poplu f’inċertezza ekonomika għax għażel li jwebbes rasu minkejja li kien qed jirċievi diversi suġġerimenti biex ixolji l-Parlament.

Issa li l-kampanja elettorali bdiet, imiss li mit-Tnejn li ġej, membri mill-Korp tal-Pulizija u rappreżentanti taż-żewġ partiti politiċi jibdew iduru dar dar biex iqassmu d-Dokumenti tal-Vot … fi proċess li se jibqa’ għaddej sal-Ġimgħa, 11 ta’ Marzu.

NET News tkellem mad-Direttur tal-Uffiċċju ELCOM Boris Xerri, li spjega l-ħidma li se ssir f’dawn il-jiem u wara t-tmiem ta’ din l-ewwel fażi.

Sadanittant, f’dawn il-jiem ukoll, wieħed jista’ japplika mal-Kummissjoni Elettorali biex id-Dokument tal-Vot tiegħu ikun trasferit minn Malta għal Għawdex jew viċe-versa.

Madankollu, dakinhar tas-26 ta’ Marzu, wieħed xorta għandu jivvota skont kif indikat fid-Dokument.

Min-naħa l-oħra, min se jkun imsiefer jew għal xi raġuni ma jistax jivvota fis-26 ta’ Marzu, se jkun jista’ jagħmel dan is-Sibt ta’ qabel – 19 ta’ Marzu.

F’dan il-każ, wieħed għandu jirreġistra mal-Kummissjoni Elettorali bejn it-Tnejn li ġej u l-Ħamis, 17 ta’ Marzu l-ġurnata kollha, bl-aħħar jum ikun l-għada l-Ġimgħa sa 12pm.

Boris Xerri spjega li min jixtieq li fil-jiem tal-votazzjoni jservi bħala AEC f’isem il-Partit Nazzjonalista għandu jagħmel kuntatt immedjatament mal-Uffiċċju ELCOM.

Min jixtieq aktar informazzjoni dwar is-servizzi li qed joffri l-Uffiċċju ELCOM, hu mitlub iċempel fuq in-numru 2596 5288.