Elezzjoni 2022 Lokali

Ramona Attard tikkonferma li l-Labour ta’ Robert Abela għadu mhux lest

Għadhom ma jafux meta se jippubblikaw il-Programm Elettorali

Matul programm ta’ diskussjoni fuq ix-Xandir tal-Istat, kompliet toħroġ id-differenza fil-mod kif iż-żewġ partiti ewlenin ta’ pajjiżna qed imexxu l-kampanja elettorali tagħhom.

Fil-fatt, matul il-programm Insights, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino spjega kif il-poplu kollu se jkun jaf id-dettalji kollha tal-proposti konkreti li qed iressaq il-Partit immexxi minn Bernard Grech, il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard uriet kif il-Partit ta’ Robert Abela għadu mhux ippreparat biex jippreżenta l-proposti tiegħu.

Min-naħa tiegħu, Michael Piccinino spjega li l-poplu għandu jivvota lill-Partit Nazzjonalista għax se jkun qed jippreżenta viżjoni kompluta u ħolistika, mhux biss għall-ħames snin li ġejjin, iżda li tħares ‘il quddiem.

Hu kompla li l-Partit immexxi minn Bernard Grech għandu viżjoni ċara u lesta, b’politika qrib in-nies u proposti li jservu ta’ għodda biex ħadd ma jibqa’ lura.

Għall-kuntrarju, il-Mexxej Laburista Robert Abela ma jafx dwar il-wegħdiet li qed jagħmel il-Labour, tant li fl-ewwel jiem tal-kampanja elettorali, diġà ħa żball fil-costings tal-ewwel ħames wegħdiet li għamel.

Matul il-programm ta’ aktar minn siegħa, il-President tal-Partit Laburista kienet fotokopja tal-messaġġ tal-Labour matul din il-kampanja elettorali – messaġġ negattiv il-ħin kollu, b’attakki kontra l-Partit Nazzjonalista u l-esponenti tiegħu minflok proposti li bihom il-poplu jista’ jimxi ‘l quddiem.

B’risposti mħejjija mill-Kwartieri u mibgħuta lilha b’SMS, Ramona Attard ħarbet milli twieġeb jekk il-Labour ta’ Robert Abela jridx lil Joseph Muscat jattendi u jindirizza xi attività politika tiegħu.

Minflok, hi kompliet tiddefendi lil persuni fil-klikka ta’ Robert Abela – bħal Clyde Caruana, li ntagħżel direttament mil-Leader biex ikun Ministru tal-Finanzi – għax skont hi, għandu l-kredenzjali tajbin. Madankollu, hi ma qalet xejn dwar il-mod kif dan sejjaħ lin-negozjanti “komunisti”.

Min-naħa tiegħu, mistoqsi mill-ġurnalist Glenn Falzon, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit kien, għadu u se jibqa’ mużajk ta’ ideat, li fl-aħħar mill-aħħar jingħaqdu taħt l-għan uniku li l-pajjiż jimxi ‘l quddiem.

Hu ċċara li jekk il-ġurnalist jistieden lil Bernard Grech għal dibattitu flimkien ma’ Robert Abela, hu kien qed jaċċetta minnufih … filwaqt li stieden lil Ramona Abela biex tagħmel lest, iżda hi ħarbet milli tikkonferma.

Fil-fatt, il-Leader tal-Labour ilu sena u nofs jaħrab minn dibattiti mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista … xi ħaġa li fl-aħħar jiem kien mistieden ukoll mill-media indipendenti.

Dwar il-mod kif Robert Abela issa qed jiddistanzja ruħu mill-Marina fil-Bajja ta’ Marsaskala, Michael Piccinino qal li hu evidenti li stenna l-kampanja elettorali tibda biex jiddikjara ruħu kontra dan il-proġett, li tant imbotta b’pompa Ian Borg.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li fil-passat, dan il-Partit dejjem kellu viżjoni, tant li ħoloq niċeċ ekonomiċi bi ħsieb u li baqgħu sodi anke fi żminijiet turbolenti. Hu għalhekk li Gvern ġdid immexxi minn Bernard Grech jagħmel żgur li dak kollu li jwettaq, jindirizza t-titjib fil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.