Lokali

Robert Abela skomdu jwieġeb għal kull domanda

Mistoqsi dwar Christian Borg. Abela ma jweġibx.

Mistoqsi dwar Rosianne Cutajar. Spiċċa jfarfar.

Mistoqsi dwar Konrad Mizzi. Għażel illi jinħeba.

Ma jwegibx lanqas id-domandi dwar il-bejgh tal-passaporti ghar-Russi. Ma jweġibx dwar Transport Malta. Filwaqt li anke dwar id-dibattitu ma’ Bernard Grech fuq pjattaforma indipendenti…il-Prim Ministru jibqa’ jaħrab.

Hija din l-attitudni li ddominat konferenza tal-aħbarijiet fir-Rialto, fejn Abela tista tgħid ma weġibx domanda waħda li hi waħda magħmula minn Net News – partikolarment rigward iż-żagħżugħ Christian Borg, li allegatament huwa involut fi kriminalità organizzata u li li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ ħtif ta’ persuna.

Mat-Times of Malta, Robert Abela kien ammetta li għamel biċċa business miegħu fuq proprjetà… iżda għal darb’oħra ħarab milli jammetta kemm għamel profitt.

Diversi kmamar tal-aħbarijiet preżenti staqsewh ukoll rigward it-taħdidiet bejn il-Gvern tal-Labour u Steward Healthcare, b’Robert Abela iwieġeb li m’hemm ebda taħdidiet għaddejjin bħalissa. Mistoqsi minn Net News għaliex ma  jridx jieħu deċiżjoni dwar dan id-deal skandaluż…Abela kkonferma se jibqa’ jkaxkar saqajh u jistenna l-eżitu tal-proċeduri li għaddejin fil-Qorti.

Mistoqsi wkoll jekk hux lest jerġa’ jpoġġi fil-Kabinett tiegħu lil Rosianne Cutajar kemm-il darba jiġu eletti fil-Gvern – huwa insista li ħabibtu diġà refgħet responsabbiltà politika…iżda ħarab milli jwieġeb.

U mistoqsi jekk hux lest jerġa’ jilqa’ fi ħdanu lil Konrad Mizzi għal darb’oħra kien evażiv u qal sempliċiment li Mizzi mhux kandidat tal-Labour.