Lokali

“Abela jiġi jaqa’ u jqum mit-tajjeb u l-ħażin” – Mark Camilleri

“Il-Labour għandu problema bil-Leader” – jitkellem l-eks delegat Laburista

“Naħseb li għandna bżonn bidla fil-Gvern biex inwaqqfu dan li xeħtina l-isfel fir-rule of law, f’demokrazija li xejn m’aħna sejrin tajjeb minn f’aspett li se jaffettwa kollox..fit-tul..”

Sostna dan l-eks delegat tal-Labour u kittieb Mark Camilleri waqt diskussjoni li saret fuq il-programm ta’ Net Television Frontline fejn insista li l-eliminazzjoni tal-korruzzjoni għall-Gvern tal-Labour mhux prijorità.

“Qiegħed jara kif ħa jagħmel biex jgħatti xtur minn għamel korruzzjoni qabel, qed nitilfu ħafna flus minn kuntratti kbar u dan il-gvern ma jridx jindirizzahom.  Il-gvern aktar interessat biex jgħatti il-ħażen milli jagħmel it-tajjeb bħalissa.”

Camilleri insista li f’pajjiżna l-ġustizzja mhux qed taħdem…u dak li seħħ fl-aħħar snin huwa frott ta’ dan. Dan filwaqt li sostna li l-Partit Laburista huwa diżonest u żleali ħafna. L-eks delegat tal-Labour qal kemm-il darba li Robert Abela mhux leader u qatt ma kellu r-rieda li jeħles mill-kriminalità fi ħdan il-partit, b’Camilleri jiżvela li Abela wiegħed lil Rosianne Cutajar li ħa jagħmilha Ministru.

“Lil Rosianne Cutajar wegħda li jagħmilha Ministru lil din – Il-Partit laburista qiegħed iwassal messaġġ ħażin. Li l-korruzzjoni hija aċċettabbli fil-pajjiż għalhekk m’għandnix għażla oħra nivvutaw lill-Partit Nazzjonalista għax inkella l-affarijiet ħa jigravaw hux ħażin ħafna dawn l-affarijiet.”

Huwa esprima l-istagħġib tiegħu kif wara daż-żmien kollu ħadd mit-tmexxija ta’ Joseph Muscat għadu ma ttella l-Qorti filwaqt li insista li suppost kellu sistema tal-ġustizzja li pproteġiet liċ-ċittadini minn dawn in-nies.

Iżda għal Mark Camilleri – minn dan kollu Robert Abela jiġi “jaqa’ u jqum minn dak li hu tajjeb u ħażin.”

L-eks delegat Laburista insista li l-għan ta’ Abela hija biss l-vanità u ddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda traġikomika.

Mark Camilleri saħaq li taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela mhux se jkollna tibdil sinnifikanti fid-demokrazzjoni filwaqt li insista li Abela ilu li tilef l-awtorità morali…meta mistoqsi dwar ir-rabta tiegħu ma allegati kriminali.

Huwa insista li l-Partit Laburista preżentament għandu kriżi ta’ mexxej, u li pajjiżna jeħtieġlu Prim Ministru matur u bl-ebda mod marbut mal-kriminalità…b’Camilleri jsosti li fi ħdan il-Labour hemm ħafna nies li għamlu affarijiet ħżiena, li marru kontra l-ispirtu legali.

Mistoqsi dwar il-greylisting Camilleri kien xettiku ħafna kemm Partit Laburista fil-Gvern jista joħroġ lil pajjiżna faċilment minn din il-lista.

Għaldaqstant Mark Camilleri insista dwar il-bżonn li f’pajjiżna jkollna Gvern ġdid Nazzjonalista sabiex tirrenja d-demokrazija, tissaħaħ ir-rule of law u nissieltu l-korruzzjoni.