Ambjent Elezzjoni 2022 Lokali

Aktar proposti tal-PN: “L-akbar programm ta’ afforestazzjoni li qatt twettaq f’pajjiżna” – Bernard Grech

“Ninvestu fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Se nkunu qed naċċertaw li kulħadd jkun jista’ jgħix ħajja aħjar.” – Kienet din il-wegħda ċara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza lill-ġurnalisti f’Birzebbuga fejn ħabbar aktar proposti, din id-darba dwar is-settur tal-Ambjent.

Gvern ġdid tal-PN se jaċċerta li joħloq għad ta’ spazji miftuħa, pulmuni fl-ibliet u l-irħula permezz ta’ strateġija għal żoni ħodor maħsuba għall-familji. Ser jaċċerta wkoll fuq aġenda għat-tkabbir tal-imsaġar, funtani u l-iżvilupp ta’ ekoparks.

Bernard Grech spjega kif Gvern immexxi minnu iwettaq l-akbar programm ta’ afforestazzjoni li qatt twettaq f’pajjiżna bil-għan li kull komunità f’kull belt u raħal ikollha l-ispazju miftuħ ħadrani tagħha biex il-poplu kollu, u kull min iżurna, jgawdi minn sbuħija naturali li se jkun qed joffri pajjiżna.

Il-Kap tal-PN ħabbar dawn il-proposti wara li żar il-lokalità ta’ Birzebbuga. Hu kien akkumpanjat minn AnneMarie Grech u flimkien mal-kandidati tal-PN fuq il-5 distrett kellhom l-opportunità li jżuru is-suq u jiltaqgħu ma’ divesi bejjiegħa u xerrejja.

Dawk kollha li tkellmu ma’ Bernard Grech faħħru l-proposti li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista fosthom il-proposta tat-tnaqqis tal-VAT. Il-Kap tal-PN spjega li l-program elettorali se juri kif il-PN għandu pjan ċar li b’viżjoni se jagħti lil dan il-pajjiż iktar ġid u aktar flus fil-but tan nies.

Oħrajn semmewlu wkoll l-importanza li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jitkellem dwar l-ambjent u jibqa’ jressaq proposti konkreti sabiex f’pajjiżna jkollna ambjent mill-isbaħ u l-familji jkollhom postijiet fejn ikunu jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom.

F’Birzebbuga, l-għoli tal-ħajja kienet fuq fomm kulħadd, hekk kif diversi familji, anzjani u ħaddiema komplew jispjegaw kemm qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar minħabba żieda fil-prezz ta’ bosta prodotti bażiċi.