Internazzjonali

Biden: L-attakk ta’ Putin fuq l-Ukrajna ilu pjanat għal xhur fost l-impenn biex ‘jibni imperu ġdid’

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden għadu kemm temm diskors mill-White House fejn tkellem dwar l-aħħar żviluppi xokkanti fl-Ukrajna. Hu qal li l-offensiva tal-President Russu Vladimir Putin kienet ilha ppjanata għal xhur u kellha sseħħ mingħajr l-ebda provokazzjoni. Biden anki akkuża lill-Putin b’li ċaħad kull tentattiv għal djalogu u li seta’ evita t-tbatija li d-dinja qed tara permezz tal-konflitt fl-Ukrajna.

Joe Biden qal li l-attakk segwa ġimgħat ta’ twissijiet mill-Istati Uniti u li r-Russja, fost oħrajn, wettqet sensiela ta’ azzjonijiet magħrufa bħala ‘false flag’ biex tpitter lill-Ukrajna bħala l-aggressur. Dan kollu ippermetta għal ‘skuża ideali’ biex il-qawwiet Russi jinvadu l-artijiet tal-ġar’.

Il-President Amerikan, issa, qed ifassal sanzjonijiet li jħallu impatt fit-tul għar-Russja waqt li jimminimizzaw l-impatt għall-Istati Uniti u l-alleati tagħha. Dan waqt li Joe Biden qabel mal-mexxejja tal-G7 ( l-akbar ekonomiji fid-dinja) għal impenn li jillimita sew il-kapaċitajiet ta’ Moska biex tibbaża l-kummerċ tagħha fuq it-tranżazzjonjiiet bid-dollari, l-ewro, il-lira Sterlina u l-yen.

Fl-istess ħin, l-Istati Uniti se twaqqaf il-kapaċitajiet tar-Russja biex tiżviluppa l-militar tagħha, minbarra li tuża t-tip ta’ sanzjonijiet li jwaqqfu lil Moska milli tikkompeti fl-ekonomija high tech ta’ dan is-seklu.

Madankollu, il-President Biden irrepeta li l-qawwiet Amerikani mhumiex se jkunu involuti fil-konflitt tar-Russja mal-Ukrajna.

Sadanittant, Joe Biden qal li l-invażjoni tal-Ukrajna kixfet ‘l-intenzjonijiet malinni ta’ Vladimir Putin’. Dan meta l-kampanja militari ta’ Moska ma kellha x’taqsam qatt mat-tħassib dwar is-sigurtà iżda qed tiżvolġi f’aggressjoni sfaċċata li qed turi ‘l-għatx ta’ Putin biex jibni imperu ġdid fuq l-istil tal-Unjoni Sovjetika ( komunista) antika’.