Waqt konferenża tal-aħbarijiet illi saret il-Ħamis Filgħodu, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, 95 persuna rriżultaw pożittiv għall-coronavirus, filwaqt li fl-istess perjodu fiequ 106 persuna, sabiex b’hekk il-każi attivi issa qed jammontaw għal 733.
Ġie mħabbar ukoll li bħalissa 44 persuna pożittivi għall-Covid, jinsabu rikoverati fl-isptar Mater Dei, bi tlieta minnhom qed jinżammu fit-taqsima tal-kura intensiva.
Fl-istess konferenza, il-Ministru tas-Saħħa ħabbar numru ta’ rilaxx ta’ miżuri abbinati mal-Covid-19.
Dawn huma:
Mit-Tnejn 7 ta’ Marzu, dawk il-persuni li huma mlaqqma bil-booster u jkollhom kuntatt dirett ma’ persuna pożittiva għal-virus, mhux se jkollhom l-obbligu li joqgħodu fi kwarantina, filwaqt li l-perjodu ta’ kwarantina ta’ dawk il-persuni li huma mlaqqma bil-booster u jirriżultaw fil-pożittiv, se jinżel minn għaxart ijiem għal sebat ijiem.
Mit-Tnejn 7 ta’ Marzu, dawk il-persuni li m’humiex imlaqqma bil-booster u jkollhom kuntatt sekondarju ma’ persuna pożittiva għal-virus, mhux se jkollhom l-obbligu li joqgħodu fi kwarantina.
Mit-Tnejn 7 ta’ Marzu, il-perjodu ta’ kwarantina ta’ dawk il-persuni li m’humiex imlaqqma bil-booster u jkollhom kuntatt dirett ma’ persuna pożittiva, se jinżel għal ħamest ijiem minflok 14-il ġurnata.
Mit-Tnejn 7 ta’ Marzu wkoll, il-perjodu ta’ kwarantina għal dawk il-passiġieri li jaslu f’Malta minn pajjiżi li qegħdin f’red zone, se jitnaqqas għal sebat ijiem.
Mit-Tnejn 7 ta’ Marzu, l-awtoritajiet se jkunu qed jagħrfu wkoll certifikati tat-tilqim li hu approvat mid-WHO flimkien ma’ test tal-Covid negattiv. Sa issa f’Malta, iċ-ċertifikati tat-tilqim approvati mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini biss huma aċċetati f’Malta.
Mit-Tnejn 7 ta’ Marzu wkoll, stabbilimenti u negozji se jkunu jistgħu jibqgħu joperaw wara s-siegħa ta’ filgħodu.
Intant, mill-14 ta’ Marzu, il-maskri se jitneħħew f’postijiet pubbliċi fuq barra iżda f’mass events il-maskra hija obbligatorja.
Mill-1 ta’ April, it-tiġijiet se jitħallew isiru bilwieqfa sa massimu ta’ 300 mitt ruħ.
Mit-Tnejn 11 ta’ April mass events se jitħallew isiru mingħajr restrizzjonijiet abbinati mal-Covid-19. Dan ifisser li l- purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Għid se jitħallew isiru b’mod normali.
//= $special ?>