Internazzjonali Lokali

“Dan mument delikat ħafna għall-Ewropa” – Bernard Grech dwar l-invażjoni Russa

Il-Kap tal-PN jappella għal koordinament fuq livell Ewropew

“Nikkundanna l-agressjoni Russa fl-Ukrajna li tmur kontra t-trattati internazzjonali u l-integritá territorjali Ukrena li Malta tinsisti li jiġu rispettati.”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech b’reazzjoni għall-aħħar aħbar li l-Ewropa sebħet għaliha..bir-Russi jinvadu l-Ukrajna.

Bernard Grech saħaq li jemmen li Malta trid tappoġġja bi sħiħ l-isforzi Ewropej għal risposta koordinata permezz ta’ sanzjonijiet ekonomiċi. “Nemmen li l-poplu Malti u l-popli Ewropej kollha għandhom jinżammu aġġornati regolarment fuq dawn is-sanzjonijiet u l-effettivita tagħhom.”

Huwa insista li jinsab inkwetat li l-eskalazzjoni tat-tensjoni fir-reġjun permezz tal-aggressjoni Russa fit-territorju Ukren toħloq impatti lil’hinn mir-reġjun. Għaldaqstant spjega li jeħtieġ ukoll koordinament fuq livell Ewropew biex flimkien niġġestixxu tali effetti ikollhom l-anqas impatt fuq l-għixien tal-Ewropej u tal-Maltin b’mod partikolari.

“Dan hu mument ikrah ħafna, delikat u ta’ theddida għall-istabilitá fl-Ewropa u madwar id-dinja.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li bħala pajjiż għandna nuru solidarjetà mal-poplu tal-Ukrajna u filwaqt li nosservaw in-newtralità tagħna, irridu nwasslu l-messaġġ li azzjonijiet li jpoġġu f’riskju l-integrita u s-sovranità ta’ pajjiż mhumiex aċċettabli.