“Din tal-lum hija ġurnata storika – ġurnata li tiċċelebra l-ħajja u l-istorja twila u glorjuża ta’ dan il-Partit”.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hu u jindirizza l-laqgħa tal-Kunsill Ġenerali li tulha kien approvat il-Manifest Elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu li ġej, bit-tema ‘Viżjoni għal Malta 2030’.
Bernard Grech qal li l-laqgħha tal-lum hi waħda mill-aktar importanti fil-ħidma tal-Kunsill Ġenerali hekk kif approva l-kanditati u l-manifest elettorali. Grech iddeskriva dan il-Kunsill bħala storiku u parti mill-istorja tal-pajjiż li tant inħobbu.
Il-Kap tal-PN qal li dan il-pajjiż li tana isimna aħna obbligati lejh u li nħalluh aħjar milli sibnih.
Huwa saħaq li din tal-lum hija ċelebrazzjoni fil-ħajja ta’ Partit li l-ewwel ħolom li jkun indipendenti kif tixhed anke l-kuruna tad-deheb fl-arma tal-Partit Nazzjonalista, kuruna li tfisser sovranità.
Wara li 60 sena ilu il-PN ta’ Gorg Borg Olivier welled nazzjon indipendenti u sovran mibni fuq id-demokrazija, ix-xogħol u l-paċi, anke meta ħafna Maltin ħasbu li din kienet ħolma impossibbli, 20 sena ilu l-istess PN wettaq proġett ieħor ta’ ġid għall-poplu Malti kollu. Din kienet il-ħolma li pajjiżna jsir parti mill-familja Ewropea. Dan il-proġett ġab lil pajjiżna fuq l-istess livell ta’ pajjiżi oħra Ewropea u ġibed il-miljuni li bihom stajna niżviluppaw.
Fejn tal-Labour raw makku, Eddie Fenech Adami u sħabu raw ħaddiema, ħawtiela, bieżla, intelliġenti u mimlijin kuraġġ u li sarfujom fi storja ta’ suċċess.
Il-Kap tal-PN qal li Eddie Fenech Adami tant kellu viżjoni tajba, li llum il-Parlament Ewropew huwa mmexxi minn Maltija bħalna, Roberta Metsola li emmnet ukoll f’din il-ħolma, bħal ma emminna ħafna minna sakemm għamilniha realtà.
Grech qal li madankollu, u minkejja s-suċċessi kbar, il-Partit Nazzjonalista għamel żbalji wkoll u talab maħfra għal dawn in-nuqqasijiet iżda tgħallem minn dawn l-iżbalji u qed jużahom biex jimxi ‘l quddiem. Il-PN, qal Bernard Grech qed ikompli jaħdem biex iġib trasformazzjoni sħiħ għal dan il-pajjiż. U fakkar kif il-PN dejjem kien mal-poplu, dejjem ‘Miegħek. Għal Malta’
Huwa qal li bil-manifest elettorali li approva l-Kunsill Ġenerali qed jistieden lil kull Malti u kull Maltija jingħaqad mal-PN biex iwettaq bidla bażika – bidla tal-Gvern.
Il-Kap tal-PN esprima l-gratitudni tiegħu lil kull min tah appoġġ fil-ħin li ilu jmexxi l-Partit Nazzjonalista, kif ukoll lid-deputati kollha li servew miegħu fil-Parlament fl-aħħar xhur. Irringrazzja lill-frontliners kollha li qed jaħdmu qatigħ biex iwassal il-messaġġ tal-PN fid-djar.
Huwa rringrazzja wkoll lill-erba’ kandidati ġodda li approva l-PN – Mary Muscat, Chris Micallef, Fredrick Aquilina u Josianne Cardona Gatt.
Bernard Grech irringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista, lill-ġurnalisti u dawk kollha li jaħdmu fid-Dar Ċentrali. U fuq kollox irringrazzja lill-Maltin u l-Għawdxin kollha li qed jgħinu biex inġibu l-bidla tant meħtieġa għal dan il-pajjiż.
Huwa rringrazzja wkoll lill-familja tiegħu, lil martu AnneMarie, u lill-familji, partners u ħbieb tal-kandidati kollha tas-sapport li qed jagħtuhom f’din l-esperjenza tagħhom.
Il-Kap tal-PN iddeskriva t-tim tal-PN bħala mżewwaq, li jħaddan l-inklussivita, tim mimli esperjenzi u entużjużm u ħiliet differenti, imma fuq kollox tim li lest iservi liċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżna.
Grech qal li hu se jara li dan jibqa’ tim lest iservi, f’kuntatt kontinwu man-nies u li lest jagħti mhux biss widen imma anke leħen lin-nies. Tim li jaħdem fi djalogu ġenwin mal-għaqdiet volontarji u mas-soċjetà ċivili. Tim li jinkludi l-għarfien tal-esperti minn kull qasam, li jikkonsulta u li jibqa’ jikkonsulta bħal ma għamel fil-manifest elettorali tiegħu.
Huwa qal li dan hu tim li se jibqa’ jaħdem biss għall-interessi ta’ dan il-poplu u ta’ dan il-pajjiż, billi jibni u jwettaq politika ta’ governanza tajba, fuq kollox tim li flimkien mal-poplu kollu se jwettaq viżjoni li jwettaq l-aspirazzjonijiet u tikseb is-suċċess bl-implimentazzjoni ta’ aktar minn 500 proposta.
Bernard Grech tkellem dwar il-ħidma li saret biex intniseġ il-manifest elettorali tal-PN. Manifest li jrid iwelled politika li taħseb fil-futur. Hu faħħar il-ħidma ta’ Claudio Grech, Ivan J Bartolu u Martina Caruana li lkoll taw sehemhom għal dan il-programm – programm li madankollu ssawwar bl-esperjenzji kollha ta’ ħafna nies, frott diskussjoni u ħafna laqgħat ma’ persuni minn oqsma differenti. Frott ta’ djalogu kontinwu, u l-isbaħ parti għandha tkun it-twettiq tiegħu, qal Grech.
Bernard Grech qal li l-manifest jinseġ il-proposti madwar il-bniedem, l-individwu, il-familja, u l-bżonnijiet ta’ kull individwu. Il-proposti jixhud d-dinamiżmu ta’ Parit imġedded li qed jagħmel qabża ta’ kwalità. Manifest li jrid li l-poplu jkun ambizzjuż.
Huwa elenka numru ta’ proposti li qed jagħmel il-PN intiżi biex isostnu n-negozji kif ukoll miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-ħajja lill-individwi u lill-familji.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li fuq in-naħa l-oħra għandek Gvern li wara li serqek fuq il-kont tad-dawl u fuq l-income tax, issa qed jgħidlek li se jnaqqas it-taxxa. Imma dan hu Gvern li ma tistax tafdah għax b’id waħda jnewwillek u b’id oħra jeħodlok mill-but. Hu wal li tul dawn l-10 snin ta Gvern Laburista, il-PN ingħata raġun fuq ħafna affarijet iżda sfortunatament kelna wkoll nassistu għall-assassinju ta’ ġurnalista Maltija bħalna, Daphne Caruana Galizia wara li kienet hi l-ewwel waħda li fetħet għajnejn il-poplu Malti għall-korruzzjoni li ħakment lill-pajjiż immexxi mil-Labour. Hu fakkar kif l-inkjesta pubblika sabet li l-Gvern Laburista kellu responsabbiltà f’dan l-assassinju.
Bernard Grech qal li llum il-Partit Nazzjonalista hu parti mis-soluzzjoni biex pajjiżna jerġa’ jsib in-normalità – parti mis-soluzzjoni għax biex tinstab is-soluzzjoni il-PN jaf li jeħtieġ il-kontribut ta’ kull wieħed u waħda minna – il-poplu Malti kollu li fis-26 ta’ Marzu se juri liema hi d-direzzjoni li jrid li jaqbad pajjiżna. Jekk hux il-politika tal-quick fixes jew viżjoni serja għal direzzjoni ġdida.
Fis-26 ta’ Marzu, int, qal Bernard Grech, se tkun mitlub tgħid ċar u tond, u mingħajr biża’, x’tip ta’ pajjiż trid – jekk hux pajjiż li jkompli jisirqek, jew Gvern li jemmen fik u li se jaħdem lejl u nar biex twettaq il-ħolm tiegħek.
L-appell finali ta’ Bernard Grech kien għall-kuraġġ, u biex kull wieħed minna jibqa’ jwassal il-messaġġ tal-PN. Huwa sejjaħ lil dawk li sa issa għadhom mhumiex attivi f’din il-kampanja, dawk li jistgħu jinfluwenzaw, lil dawk li għadhom xettiċi, li tilfu l-fiduċja fil-politiċi, lil kull wieħed minna, Bernard Grech sejħilhom biex jersqu qrib il-PN biex ixejjen lil dan il-Gvern li tilef ir-ruħ soċjali u stedinhom biex jingħaqdu miegħu għal din ilkoll flimkien ikun parti minn din il-viżjoni sabiħa li għandna għal pajjiżna biex il-ħolm tagħna lkoll inwettquh flimkien.
Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech għamel referenza wkoll għal dak li qed jiġri fl-Ukrajna, fejn mingħajr provokazzjoni mill-familji, dawn qed jisimgħu il-bombi neżlin fuqhom, u qal li ma nistgħux inkunu indifferenti għal dan kollu. Ma nistgħux inkunu newtrali f’din il-kwestjoni, qal Grech, u esprima s-solidarjetà mal-poplu Ukren.
Huwa qal li meta kelna kriżi fil-qrib tagħna, il-poplu Malti kien ċenru umanitarju li salva l-mijiet u fakkara li aħna għandna d-dmirijiet bħala ċittadini tad-dinja u saħaq li Malta m’għandha qatt tkun insensittiva minkejja n-newtralità.
//= $special ?>