Elezzjoni 2022 Lokali

“Ejjew inżommu l-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tagħna”- Martina Caruana

Il-President għar-Riċerka Politika Martina Caruana qalet li matul snin twal il-PN fil-Gvern offra tama lil kulħadd. “Ejjew niżguraw li kull persuna fuq din il-griza tirrealizza l-eċċellenza u l-potenzjali li għandna. Ejjew flimkien naħdmu sabiex nassiguraw li l-PN ikun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.”

Hija qalet li huwa ta’ privleġġ li taħdem ma’ ħafna nies fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Sostniet li aħna qegħdin hawn biex nirrappreżentaw lin-nies.. għalhekk ejjew inżommu l-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Irridu nibagħtu twissija sabiex ikunu eliminati dawk l-affarjiet kollha li qed jagħmlu ħsara lil pajjiżna.

Martina Caruana qalet li dan huwa manifest li juri ta’ fejn irridu naslu.. road map għal pajjiż modern li jagħti importanza lill-ħajja sana u ambjent aħjar.

“Irridu Malta li titlob ġustizzja ma’ dawk li sfaw vittmi ta’ Gvern korrott. Malta li ma tħallix li tinqatel ġurnalista talli kixfet il-verità.  Malta li ma tħalliex lil mara bħal Miriam Pace tinqatel taħt it-terrapien ta’ darha stess.”