Lokali

Il-Gvern jammetti li l-PN biss jista’ jaqlana mill-kuntratt ta’ Steward

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne innifsu llum ammetta hu stess li mit-tliet sptarijiet li fdajna f’idejn Steward, l-uniku wieħed li qiegħed b’xi mod jiffunzjona huwa dak t’Għawdex u li biex il-Gvern joħroġ mill-kuntratt oxxen li seraq l-isptarijiet tal-Maltin trid tkun il-kawża miftuħa mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia.

Mistoqsi għaliex il-Gvern qed jibqa’ mċappas b’dal kuntratt skandaluż, id-Deputat Prim Ministru wieġeb li Steward ‘qed jagħmlu biċċa xogħol tajba f’Għawdex’.

Chris Fearne kien qed iwieġeb mistoqsijiet dwar il-konċessjoni skandaluża tat-tliet sptartijiet tal-Maltin lil Steward, iżda wara l-falliment totali ta’ Steward fit-tmexxija tat-tliet sptarijiet, Fearne għażel li jinjora kompletament il-fatt li l-Gvern tal-Labour reħa minn idejh ukoll l-Isptar Karin Grech u dak ta’ St Lukes. Sptarijiet li llum jinsabu fi stat tal-biki.

Kull darba li l-ġurnalisti jistaqsu dwar id-deal skandaluż tal-isptarijiet, Robert Abela u l-Ministri tiegħu jaraw kif jiżvijaw jew iqarqu u fl-aħħar iduru dejjem fuq il-kawża li fetaħ id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia, f’ammissjoni ċara li l-istess Gvern Laburista li seraq minn ħalq il-Maltin l-isptarijiet biex tahom lil Steward f’konċessjoni skandaluża, issa qed jistenna li tkun kawża miftuħa minn deputat Nazzjonalista li ssolvilu l-problemi.

NetNEWS staqsa għaliex il-Gvern qed jibqa’ mċappas b’dal-kuntratt li għalih il-ħaddiem Malti qed jippompja l-miljuni mit-taxxi meta fl-istess waqt l-isptar Mater Dei qed jara mal-500 persuna kuljum fl-outpatient, u meta allura l-flus li qed noħorġu setgħu intefqu b’mod ferm aktar għaqli. Iżda Chris Fearne għażel li jilgħabha li ma fehemx il-mistoqsija tagħna u dawwar it-tweġiba tiegħu.

Intant Fearne ma weġibx lanqas kif se jsolvi l-problemi kbar li hemm ta’ nuqqas ta’ riżorsi umani fil-qasam tas-saħħa meta pajjiżna għandu nuqqas kbir ta’ infermiera, psychologists u social workers fost l-oħrajn.