Lokali

Il-Gvern jikkonferma li se jibqa’ jbigħ il-passaporti lir-Russi

... u jibqa' jaħbi min huma r-Russi li xtraw il-passaporti

Il-Gvern Laburista kkonferma li beħsiebu jibqa’ għaddej bil-bejgħ tal-passaporti lir-Russi, minkejja l-fatt li l-pajjiżi tal-Punent qed jattivaw sanzjonijiet varji kontra r-Russja fl-isfond tal-attakki fuq l-Ukrajna fl-aħħar sigħat.

Il-konferma taha s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat li hu responsabbli għall-iskema tal-bejgħ tal-passaporti f’pajjiżna.

Mistoqsi jekk hux se jwaqqaf il-bejgħ taċ-ċittadinanza lil ċittadini Russi, Muscat iġġustifika l-fatt li l-Gvern se jibqa’ jagħti passaport lir-Russi għax qal li ssir id-‘due diligence’.

Mistoqsi hux lest jippubblika l-lista tar-Russi li xtraw passaport Malti, Muscat inħeba wara l-lista ta’ persuni li jieħdu ċ-ċittadinanza. Din il-list tinkorpora kull persuna li b’xi mod tieħu ċ-ċittadinanza f’pajjiżna, inkluż min jiżżewweġ lil persuna Maltija, jew min jiġi nnaturalizzat.

NetNEWS bgħat mistoqsijiet bil-miktub lil Muscat fejn talbu konferma jekk erba’ ċittadini Russi – magħrufa li huma oligarki Russi li huma qrib ħafna tar-reġim ta’ Putin – xtrawx passaport Malti. Sa issa dawn il-mistoqsijiet baqgħu mhux imwieġba.