L-iżviluppi tal-gwerra fl-Ukrajna qed jimxu b’ritmu mgħaġġel waqt li l-qawwiet tar-Russja qed iħejju offensiva speċifika fuq l-ibliet Ukreni l-kbar.
L-aħħar indikazzjonijiet huma li l-qawwiet ta’ Vladimir Putin qed iħejju għal attakk militari ‘sostanzjali’ fuq il-kapitali Ukrena Kiev. Dan waqt li l-qawwiet tal-Gvern Ukren qed jippruvaw jaħtfu lura l-kontroll ta’ bażi tal-ajru u ajruport li ftit tal-ħin ilu waqgħu f’idejn il-paratruppi Russi.
Sadanittant, l-Ukreni huma determinati li jirreżistu sal-aħħar, bil-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, jaħlef li s-suldati tiegħu ‘se jieħdu lura l-ajruport waqt li jitfgħu lura lit-truppi tar-Russja.’
Intant, l-offensiva Russa qed tkompli fuq diversi fronti, bil-belt ta’ Mariupol ( li tinkludi port ewlieni) tinsab taħt bumbardament qawwi — fost rapporti ta’ ‘mijiet ta’ splużjonijiet’fl-inħawi.
Hu minnu wkoll li l-kriżi umanitarja qed tiggrava, bil-Kummissarjui Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati jikkalkula li ‘il fuq minn 100,000 persuna diġà abbandunaw djarhom fl-Ukrajna – b’eluf qegħdin jaqsmu lejn il-Moldova u r-Rumanija.
Fl-istess ħin, il-pulizija fir-Russja arrestaw ‘il fuq minn 700 persuna waqt il-protesti kontra l-gwerra madwar il-pajjiż – b’dan jikkonfermawh l-osservaturi indipendenti.
//= $special ?>