Internazzjonali

Il-militar Russu jħallas prezz qares waqt l-invażjoni

L-Armata tal-Ukrajna qerdet numru ta’ ħelikopters u għexieren ta’ tankijiet tal-gwerra tar-Russja fl-ewwel sigħat tal-invażjoni tat-territorji Ukreni mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin. Intant, inqabdu priġunier talanqas 100 suldat Russu, meta l-Ukrajni huma determinati li ‘jagħtu daqs kemm jaqilgħu’ f’sitwazzjoni li mistennija tħalli konsegwenzi storiċi għalihom u l-bqija tal-Ewropa.

Il-militar ta’ Kiev hu inferjuri ħafna għall-Armata Russa meta l-Ukrajna għandha sistema ta’ difiża u qawwa tal-ajru li jmorru lura għall-era tal-Unjoni Sovjetika.

Sadanittant, in-NATO u l-Istati Uniti għamluha ċara li l-ebda suldati mhuma se jintbagħtu lejn l-Ukrajna,  bl-Armata u l-poplu Ukren iridu jiddefendu pajjiżhom waħedhom fiċ-ċirkustanzi.

Il-battalji għadhom għaddejjin fi Kiev, madwar il-fruntiera Ukrena mal-Belarus kif ukoll f’Luhansk u Donetsk fil-lvant tal-Ukrajna. Hemm ukoll iz-zoni tal-gwerra ġodda madwar Kherson u fl-ibliet tal-port ta’ Odessa u Mariupol.

U waqt li ftit persuni jaħsbu li l-Ukrajna tista’ toħroġ rebbieħa quddiem il-magna tal-gwerra formidabbli ta’ Putin, il-qawwiet Ukreni, s’issa, irnexxielhom jikkaġunaw it-telfiet sostanzjali għall-Armata Russa fost id-determinazzjoni li jiddefendu pajjiżhom ‘sal-aħħar balla’.