Elezzjoni 2022 Lokali

“Il-PN huwa l-partit tas-soluzzjonijiet kemm għall-immedjat kif ukoll għall-futur” – David Agius

“Il-Partit Nazzjonalista se jinċentiva l-bżulija u se jgħin liż-żgħir u lil kull min jixtieq jirnexxi sabiex ikollu ħajja aħjar”. Dan kien il-messaġġ tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Parlament David Agius fejn fost l-oħrajn tkellem dwar kif il-Partit Nazzjonalista kien preparat bl-aħjar mod għal din il-Kampanja Elettorali hekk kif wara biss mitt siegħa ppreżenta l-Programm Elettorali tiegħu.

Il-Viċi Kap qal li l-Partit Nazzjonalista hu dak il-Partit li jħares lejn il-futur, hekk kif se jkun qed jagħtik l-opportunità biex titgħallem u tikber fejn flimkien miegħek, jitgħallem u jikber ħaddieħor. David Agius semma numru ta’ proposti li se jkunu qed jinċentivaw lill-anzjani u lill-persuni b’diżabbilità fejn fost l-oħrajn, se tkun qed tiżdied il-pensjoni u tiġi daqs il-paga minima nazzjonali. Għall-persuni b’diżabbilità, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed joħloq qafas finanzjarju sabiex jgħin lill-familji tal-persuni b’diżabbilità.

David Agius temm id-diskors tiegħu billi qal li permezz tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, pajjiżna jista’ jsir l-aqwa f’numru ta’ setturi fosthom fl-ambjent, l-enerġija rinovabbli, it-trasport u anke t-turiżmu.