Coronavirus Lokali

It-tfal jibqgħu bil-maskri sal-Għid u l-miżuri għal barra rrilaxxati wara ż-żjara tal-Papa

L-istudenti se jkunu obbligati jibqgħu jattendu l-iskola bil-maskra tal-anqas sal-vaganzi tal-Għid.

Dan ikkonfermah id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet li tulha ħabbar ir-rilaxx ta’ diversi miżuri.

Fost il-miżuri mħabbra mit-Tnejn 7 ta’ Marzu, l-stabbilimenti u n-negozji se jitħallew  jibqgħu joperaw wara s-siegħa ta’ filgħodu. Dan hekk kif jidher li l-pandemija qed terħi mis-saħħa tagħha.

Mill-14 ta’ Marzu, il-maskri se jitneħħew f’postijiet pubbliċi fuq barra.

Madankollu t-tfal se jkunu obbligati li sat-12 ta’ April jibqgħu imorru l-iskola bil-maskra, bil-Ministru ma jfiehemx x’bażi xjentifika għandha din id-deċiżjoni.

Intant mit-Tnejn 11 ta’ April, il-mass events kollha se jitħallew isiru mingħajr restrizzjonijiet abbinati mal-Covid-19.

Dan ifisser li t-tiġijiet, purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u purċissjonijiet abbinati mal-Għid se jitħallew isiru b’mod normali, madankollu Fearne ma tax spjega xjentifika ta’ għaliex intagħżlet id-data tal-11 t’April meta ġimgħa qabel se jkolna ż-żjara statali ta’ Papa Franġisku – żjara li mistennija tiġbed ħafna u ħafna nies.