Elezzjoni 2022 Lokali

Konferma tal-qasma fil-Labour: Fearne jintrabat mal-klikka ta’ Muscat

Il-qasma fil-Labour issa hi uffiċjali … il-klikka ta’ Muscat kontra l-klikka ta’ Abela … u Chris Fearne fuq quddiem mal-eks Leader Laburista.

Ikkonferma dan hu stess, meta mistoqsi minn NET News x’jaħseb dwar l-involviment ta’ Muscat fil-kampanja Laburista wara li deher qed jappoġġja lil uħud mill-Kandidati, bħalma deher pubblikament f’attività ta’ Deo Debattista f’Marsaxlokk.

Viżibbilment skomdu, id-Deputat Mexxej Laburista qal li Muscat għandu jingħata merħba mil-Labour, ladarba hu stess kien Leader.

Barra minhekk, meta mistoqsi jekk kien lest jistiednu – bħalma għamel Deo Debattista – għal attività minn tiegħu, hu wieġeb li m’għandux diffikultà … qabel ma għalaq il-bieba tal-karozza meta mistoqsi għaliex il-Leader Robert Abela ma jridx jistiednu.

Ir-relazzjoni bejn Abela u Fearne qatt ma ħadet ir-ruħ mill-ġlieda għal-Leadership li sentejn ilu wasslet biex jirbaħ Robert Abela.

Għalkemm imbagħad, seħħet żvolta ġdida wara r-raid li sar fir-residenza ta’ Muscat f’Burmarrad, fejn l-eks Mexxej ħareġ il-kanuni fuq Abela.

Fl-istess filmat, li xandar fuq Facebook, hu kien qal ukoll li l-Moviment li bena mhux se jitkisser … f’botta diretta lil Robert Abela, li qed jagħżel li jinjora għal kollox dan it-titlu li kien tant għal qalb Muscat.