Internazzjonali

L-għadab ta’ Putin….L-ewwel miri milqutin fl-Ukrajna

L-ewwel attakki tar-Russja laqtu lill-infrastruttura militari tal-Ukrajna u lis-setturi tal-gwardjani Ukreni mal-fruntiera.

Ftit wara, it-tankijiet tal-gwerra u vetturi militari oħra tar-Russja qasmu l-fruntiera lejn il-madwar ta’ Kharkiv fin-naħa ta’ fuq tal-Ukrajna u Luhansk, lejn il-lvant ta’ dan il-pajjiż. Il-militar Russu infiltra lill-Ukrajna wkoll mill-penisola tal-Krimea u mill-Belarus ‘bil-barka’ tal-President Alexander Lukashenko.

Maż-żmien, it-tankijiet tal-gwerra tar-Russi waslu sa ftit ‘il barra minn Kharkiv, belt ta’ 1.4 miljun resident, bir-rapporti jgħidu li l-qawwiet Russi użaw anki l-mezzi tal-baħar biex jaslu fl-ibliet tal-port ta’ Odessa, mal-Baħar l-Iswed u Mariupol, li jmiss mal-Baħar ta’ Azov.

Il-qawwiet tal-ajru Russi – fosthom helicopter-gunships  — attakkaw u bumbardjaw l-ajruport internazzjonali ta’ Boryspil, fi Kiev, flimkien ma diversi mitjar. Fil-mira wkoll spiċċaw il-kwartieri ġenerali tal-militar Ukren u siti fl-ibliet ta’ Kiev, Dnipro, Kharkiv u u Mariupol. Dan fost sparaturi tal-missili lejn l-ajruport fil-belt ta’ Ivano-Frankivsk.

L-indikazzjonijiet huma li r-Russja għandha kważi 200,000 suldat u eluf ta’ vetturi militari mal-fruntieri tal-Ukrajna.

Dan wara li l-President Russu, Vladimir Putin, beda l-kampanja militari kontra l-Ukrajna b’enfasi – waqt diskors – fuq lista ta’ akkużi fil-konfront tal-ġar. Hawnhekk spikkat l-allegazzjoni ( infondata) ta’ Putin li l-Gvern tal-Ukrajna kien responsabbli għal ‘tmien snin ta’ ġenoċidju’ fl-artijiet Ukreni tal-Lvant.