Internazzjonali

L-Istati Uniti inkwetata li r-Russja qed tipprova tuża lil Malta bħala bażi navali

L-Istati Uniti hi mħassba ferm li r-Russja tista’ qed tipprova tuża lil Malta bħala bażi navali għall-attivitajiet aggressivi tagħha fir-reġjun tal-Mediterran.

Dan ħareġ minn rapport tal-gazzetta Britannika The Telegraph, bit-titlu

“Why Vladimir Putin is taking his big gamble”. L-artiklu ta’ Con Coughlin  — l-editur ma’ The Telegraph li janaliżża żviluppi relatati mad-difiża – jisħaq li Malta, issa, saret ‘l-aħħar mira tal-attività mir-Russja’, fost il-preokkupazzjoni tal-Istati Uniti kif ukoll tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rapport jgħid li s-sinjuruni Russi – magħrufin bħala oligarki — jagħmlu tajjeb għal xi 25 fil-mija tal-barranin li qegħdin jixtru jew jinvestu f’passaport Malti bħala mezz biex jidħlu u jinfiltraw l-Unjoni Ewropea u s-swieq finanzjarji tagħha.

Ir-rapport – miktub qabel l-attakk militari attwali fuq l-Ukrajna – jirreferi wkoll għall-isforzi diplomatiċi li saru qabel l-offensiva fuq l-ibliet Ukreni fost l-analiżi tas-sitwazzjoni fil-Mediterran.

Coughlin, intant, itenni li l-Mediterran sar zona ewlenija ta’ interess għall-Kremlin ta’ Moska – bir-Russja jirnexxilha tistabbilixxi preżenza qawwija f’Ċipru ( membru tal-UE) tant li din il-gżira saret magħrufa bħala ‘Moska fil-Mediterran’. Issa, jidher ukoll li r-Russja – jew aħjar l-aktar nies influwenti f’Moska – qegħdin jikkonċentraw fuq Malta bil-għan li jibdluha ‘f’Ċipru ieħor’.

Sadanittant, Malta kapaċi, ‘il quddiem, tispiċċa suġġetta għal sanzjonijiet f’każ li l-potenzi – fosthom l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti – iqisuha bħala ‘satellita’ ta’ Moska jew ‘strument’ għall-aġir aggressiv u l-movimenti monetarji mir-reġim tal-President Russu, Vladimir Putin.

Fil-fatt – u minkejja li l-Prim Ministru Malti, Robert Abela, qal li l-pożizzjoni ta’ pajjiżu dwar il-konflitt tal-Ukrajna hi l-istess bħal tal-Istati-membri oħrajn tal-UE – hu ma jridx jgħid jekk Malta, minn issa ‘il quddiem, għandhiex tippermetti li ‘aktar Russi jixtru ċ-ċittadinanza Maltija’ permezz tal-iskema magħrufa bħala Golden Passport.

Sadanittant, l-artiklu ma jħallix dubju dwar l-importanza strateġika ta’ Malta għar-Russja – u meta pajjiżna qed jinkwadra wkoll fil-politika ta’ Moska minn aspett ġeopolitiku.

Dan meta l-artiklu ta’ Con Coughlin, fost oħrajn, jenfasizza li Moska tista’ qed tħares ukoll lejn Malta bħala bażi utli u kruċjali għall-attivitajiet tar-Russi fil-Libja. Hemm anki inkwiet sinifikanti li Malta tintuża bħala zona li tippermetti biex ir-Russi jikkonsolidaw il-preżenza fil-Mediterran waqt li jimponu theddida diretta għall-bastimenti li qed ibaħħru taħt il-bnadar ta’ pajjiżi speċifiċi kunsidrati bħala ‘għedewwa ta’ Moska’.

Dawn kollha huma xenarji mill-aktara possibbli waqt li Moska qed tindika z-zoni li jservuha bħala bażijiet minfejn tista’ tferrex il-politika ta’ gwerra lejn bnadi oħra tad-dinja.